European Economic
and Social Committee
L-Intelliġenza Artifiċjali: il-liġi tal-UE għandha tistabbilixxi limiti sikuri għal applikazzjonijiet ta’ riskju għoli
Ir-rikonoxximent bijometriku għall-intraċċar, is-sorveljanza u d-detezzjoni ta’ emozzjonijiet m’għandu jkollha l-ebda post fl-Intelliġenza Artifiċjali (IA) Ewropea ffokata fuq il-bniedem, qal il-KESE fit-tweġiba tiegħu għall-White Paper dwar l-IA tal-Kummissjoni Ewropea, adottata mill-plenarja tal-KESE f’Lulju.
Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li applikazzjoni tal-IA tiġi kkunsidrata ta’ riskju għoli jekk tkun tinvolvi kemm settur ta’ riskju għoli (kura tas-saħħa, trasport, enerġija u partijiet mis-settur pubbliku) kif ukoll użu ta’ riskju għoli, b’xi eċċezzjonijiet li jridu jiġu definiti. Huwa biss jekk jiġu ssodisfati dawn iż-żewġ kundizzjonijiet li nistgħu nitkellmu dwar l-IA ta’ riskju għoli, li għandha taqa’ taħt regolamenti u strutturi ta’ governanza speċifiċi.
Il-KESE jemmen li din id-definizzjoni tirriskja li toħloq lakuni potenzjalment perikolużi.
“Ħu r-reklamar politiku fuq Facebook”, targumenta r-relatur tal-Opinjoni, Catelijne Muller. “Ir-reklamar huwa settur b’riskju baxx u l-funzjoni ta’ aggregazzjoni tal-aħbarijiet ta’ Facebook tista’ titqies bħala użu b’riskju baxx. Madankollu, rajna matul kampanji elettorjali li t-tixrid fuq Facebook ta’ aħbarijiet foloz u deepfakes bl-għajnuna tal-IA jista’ jkollu effetti negattivi u jinfluwenza kif jivvutaw in-nies, b’interferenza anke minn barra l-Ewropa.”
Il-KESE jemmen li jkun aħjar li titfassal lista tal-karatteristiċi komuni li għandhom jiġu kkunsidrati ta’ riskju għoli jkun xi jkun is-settur.
Ir-rikonoxximent bijometriku mmexxi mill-IA għal sorveljanza jew biex tiġi ntraċċata, evalwata jew kategorizzata l-imġiba jew l-emozzjonijiet tal-bniedem għandu jiġi pprojbit ukoll, jinsisti l-KESE. Iżjed u iżjed meta wieħed iqis li ma hemm l-ebda evidenza xjentifika li nistgħu naqraw l-emozzjonijiet ta’ persuna abbai tal-bijometrika, enfasizzat is-Sinjura Muller.
Barra minn hekk, il-KESE javża kontra żieda bla kontroll tat-teknoloġija tal-intraċċar li ssib postha fis-soċjetà tagħna sabiex tgħin fil-ġlieda kontra t-tifqigħa tal-coronavirus.
“Tekniki u approċċi tal-IA sabiex tiġi miġġielda l-pandemija għandhom ikunu daqstant robusti, effettivi, trasparenti u spjegabbli daqs kwalunkwe teknika tal-IA oħra fi kwalunkwe sitwazzjoni oħra,” qalet is-Sinjura Muller. “Għandhom jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji etiċi u l-leġislazzjoni. Għandhom ikunu wkoll volontarji, għax irridu jew ma rridux, ħafna tekniki introdotti matul il-kriżi se jsiru permanenti”. (dm)