European Economic
and Social Committee
Kriżi tal-enerġija – Miżuri futuri jridu jkunu mfassla apposta, immirati u reżistenti għat-tranżizzjoni
Il-KESE jirrakkomanda li jiġi stabbilit standard “Green triple-T” biex jiġi vvalutat l-impatt ta’ interventi futuri fuq is-sistema ekonomika tal-UE.
Billi jibni fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), il-Kumitat jenfasizza li miżuri tal-prezzijiet mhux immirati kull ma jagħmlu hu li jtawlu l-inflazzjoni għolja fit-tul. Jekk ma jiġux eliminati gradwalment fi żmien adegwat, jistgħu jikkompromettu l-kapaċità tal-BĊE li jilħaq l-objettivi tiegħu fuq terminu medju, li jirriżulta f’issikkar monetarju għal żmien itwal milli mixtieq.
Skont l-Opinjoni tal-KESE L-impatt tal-kriżi tal-enerġija fuq l-ekonomija Ewropea, imfassla minn Alena Mastantuono u adottata fis-sessjoni plenarja ta’ Ġunju, l-Unjoni Ewropea trid timxi lil hinn minn reazzjonijiet fiskali ta’ emerġenza u tiffoka fuq bidliet strutturali li jippermettuha tiddiżakkoppja mill-fjuwils fossili aktar malajr.
“Aħna konvinti li l-lezzjonijiet li tgħallimna mill-effetti negattivi tal-kriżi tal-enerġija fuq il-prestazzjoni ekonomika tal-UE jridu jkunu riflessi fil-passi ta’ politika li jmiss,” qalet is-Sinjura Mastantuono.
Biex tiżgura li tibqa’ kompetittiva, l-UE teħtieġ provvisti affidabbli u siguri ta’ enerġija affordabbli bbażati fuq suq tal-enerġija integrat bi proporzjon kbir ta’ enerġija nadifa, li jkun reżiljenti u kapaċi jiffaċċja tfixkil u xokkijiet. (mp)