Pietro Francesco De Lotto and Christa Schweng

F’avveniment li jiċċelebra l-20 sena ta’ attività konsultattiva tal-KESE dwar it-tibdil industrijali, is-setturi industrijali ewlenin tal-UE argumentaw favur rispons aktar xprunat mid-data u orjentat lejn il-futur fir-rigward tat-tfixkil b’riżultat tal-COVID-19, l-aggressjoni Russa, il-kriżi klimatika, u t-trasformazzjoni industrijali u soċjali.

Fit-8 ta’ Ġunju, il-KESE ċċelebra l-20 anniversarju tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI). Rappreżentanti mill-industriji tal-estrazzjoni, l-enerġija, id-difiża u l-ajruspazju enfasizzaw li, f’dinja li nbidlet radikalment, il-politika tal-UE trid tirrifletti b’mod preċiż kemm l-imperattivi industrijali kif ukoll il-kuntest soċjali. 

Il-President tal-KESE Christa Schweng, li inawgurat l-avveniment, enfasizzat l-impenn biex “naħdmu flimkien mas-soċjetà ċivili organizzata, l-istituzzjonijiet tal-UE u l-partijiet interessati rilevanti kollha biex jinstabu soluzzjonijiet konġunti għall-isfidi li qed jiffaċċjaw l-industriji tagħna.”

Thierry Breton, il-Kummissarju għas-Suq Intern, faħħar il-mod kif “il-KESE jkompli jaqdi rwol ewlieni fil-kwistjonijiet ta’ politika industrijali.” Huwa qal lill-parteċipanti tal-avveniment li l-isfidi tat-tibdil fil-klima, il-pandemija u l-gwerra fuq l-għatba tal-UE jfissru li hemm ħtieġa urġenti li l-Ewropa tkun kapaċi tieħu l-kontroll tad-destin industrijali tagħha.

Pietro Francesco De Lotto, President tas-CCMI, enfasizza r-rwol tal-Kummissjoni li tistaqsi mistoqsijiet ġodda, filwaqt li tantiċipa oqsma ġodda ta’ analiżi u ġġib għarfien espert ġdid fid-diskussjonijiet biex tiżgura li jitqiesu l-fehmiet tal-partijiet interessati kollha. Huwa qal “il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali hija mudell biex jiġi kkunsidrat mill-ġdid il-futur tad-djalogu soċjali fl-istituzzjonijiet Ewropej.”

Monika Sitárová, Viċi President tas-CCMI, iddikjarat, “ir-rapporti tagħna jipprovdu bażi ta’ evidenza għall-Opinjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħna. Aħna nużaw l-esperjenza tagħna tad-djalogu soċjali biex nindirizzaw il-bidla industrijali u l-impatt soċjali tagħha, nantiċipaw il-bidla u nikkontribwixxu għal soluzzjonijiet li huma soċjalment aċċettabbli.” (ks)