Stefano Mallia, President tal-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE

Praga ressqet programm prammatiku u dinamiku li jidentifika tajjeb l-isfidi immedjati li qed niffaċċjaw.

Ir-Repubblika Ċeka qed tieħu f’idejha l-presidenza b’rotazzjoni tal-Kunsill tal-UE fi żmien diffiċli għall-Unjoni tagħna – probabbilment fl-aktar żmien kritiku li qatt kien hemm – hekk kif għal darb’oħra qed niffaċċjaw il-gwerra fil-kontinent tagħna filwaqt li għadna qed nissieltu mal-impatti tal-pandemija, l-irkupru dgħajjef u l-inflazzjoni.

Is-slogan magħżul mill-Presidenza Ċeka huwa effettiv: L-Ewropa bħala missjoni. Tabilħaqq, ilkoll għandna l-kompitu li niggwidaw lill-Ewropa tirrieżamina lilha nnifisha, tibni ruħha mill-ġdid u tissaħħaħ, u li nsibu l-kuraġġ li nevalwaw mill-ġdid ħafna mill-approċċi attwali tagħna.

L-isfidi li għandna quddiemna huma konsiderevoli: irridu niffukaw fuq il-ħolqien tal-kundizzjonijiet għall-paċi, is-sigurtà u l-prosperità fl-UE, filwaqt li niżguraw ir-reżiljenza strateġika u l-kompetittività tal-ekonomija Ewropea. Huwa biss permezz ta’ ekonomija b’saħħitha u kompetittiva li nistgħu niffaċċjaw pressjonijiet internazzjonali filwaqt li nieħdu ħsieb iċ-ċittadini tagħna.
Is-suq intern għandu bżonn jiġi approfondit aktar, speċjalment fis-settur tas-servizzi u l-ekonomija diġitali. Irridu ntejbu l-ambjent tan-negozju, inkluż l-appoġġ għax-xjenza, ir-riċerka u l-innovazzjoni. Dan biss se jagħti spinta lill-kompetittività tal-kumpaniji Ewropej.

Aħna lkoll favur il-Patt Ekoloġiku u l-aġenda “Lesti għall-mira ta’ 55%”, iżda rridu noqogħdu attenti għall-pass tad-dekarbonizzazzjoni tal-industrija tal-UE. Il-kwistjonijiet tas-sigurtà tal-enerġija tagħna bħalissa huma aktar urġenti mit-tranżizzjoni tal-enerġija. L-ewwel u qabel kollox, jeħtieġ li nsaħħu r-reżiljenza tal-enerġija tal-UE kollha kemm hi. Irridu niżguraw li neliminaw id-dipendenza tagħna mir-Russja filwaqt li niżguraw l-enerġija minn fornituri differenti.

Fir-rigward tal-immigrazzjoni u r-refuġjati, irridu nfittxu li nistabbilixxu soluzzjonijiet permanenti u dejjiema li jiżguraw responsabbiltà ugwali fost l-Istati Membri tal-UE.
Ninsabu fiduċjużi li r-Repubblika Ċeka ser tmexxi l-Unjoni b’determinazzjoni kbira. Praga ressqet programm prammatiku u dinamiku li jidentifika tajjeb l-isfidi immedjati li qed niffaċċjaw u li għandu l-għan li jindirizzahom fl-iqsar żmien possibbli u bl-aktar mod effettiv kemm jista’ jkun.

Huwa programm tal-Presidenza li jpoġġi l-ekonomija u l-kompetittività tagħha fil-qalba tiegħu, u wieħed li l-Grupp ta’ Min Iħaddem ser jappoġġja.
L-Ewropa hija missjoni li tagħmel ħafna sens (sm)