European Economic
and Social Committee
L-Ewropa għandha tiġġieled bil-qawwa t-tixrid tad-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea li testendi l-lista ta’ reati tal-UE għall-forom kollha tar-reati ta’ mibegħda u d-diskors ta’ mibegħda f’Opinjoni adottata fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Mejju, u jħeġġeġ lill-Kunsill jadotta din il-proposta.
L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili raw direttament iż-żieda fid-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda, kemm bħala miri ta’ mibegħda huma stess kif ukoll meta jassistu l-komunitajiet milquta. B’riżultat ta’ dan, il-Kumitat jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġu salvagwardjati d-dinjità tal-bniedem, id-drittijiet fundamentali u l-ugwaljanza. “Id-demokrazija, u l-UE nnifisha, mhumiex possibbli jekk in-nies ikunu qed jgħixu fil-biża’ u l-mistħija,” qal ir-relatur Cristian Pîrvulescu.
Premezz tal-avvanzi fil-media soċjali, u bis-saħħa tal-moviment liberu, is-sfera pubblika tal-UE saret aktar integrata. Għalhekk, bażi komuni issa hija indispensabbli sabiex il-mibegħda tiġi miġġielda b’mod effettiv. Is-sensibilizzazzjoni u l-edukazzjoni huma meħtieġa wkoll biex jiġi identifikat l-impatt ta’ dawn l-azzjonijiet u biex jiġu evitati. Il-Kumitat jirrakkomanda li tingħata attenzjoni speċjali lil dawk li għandhom rwol importanti fil-ġlieda kontra l-mibegħda bħall-għalliema, il-ġurnalisti u l-persunal tal-infurzar tal-liġi. Il-Kumitat jistieden ukoll lill-mexxejja politiċi jaġixxu b’mod responsabbli.
Il-KESE jenfasizza r-rwol kritiku li jaqdu l-imsieħba soċjali fl-iżjed livell bażiku fil-prevenzjoni tar-reati ta’ mibegħda u l-ġlieda kontrihom. “L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma l-għassiesa tas-soċjetà tagħna kontra l-mibegħda” tgħid il-korelatur Milena Angelova. L-UE għandha tippromovi l-kodiċijiet ta’ kondotta u l-prattiki tajba tagħhom, u tipprovdi aktar finanzjament biex tagħmel l-aqwa użu mill-għarfien espert tagħhom. (gb)