European Economic
and Social Committee
L-irkupru u r-rikostruzzjoni wara l-pandemija jridu jkunu prijorità għall-futur tal-Ewropa
Il-prijoritajiet ewlenin tal-UE għall-futur qrib iridu jinkludu li l-ekonomija Ewropea terġa’ taqbad it-triq it-tajba biex twassal għal tranżizzjoni sostenibbli u ġġib il-prosperità lin-nies u lin-negozji tal-Ewropa. Din hija d-direzzjoni ewlenija tar-Riżoluzzjoni dwar il-kontribut tal-KESE għall-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni Ewropea għall-2022, adottata fis-sessjoni plenarja tal-KESE ta’ Ġunju.
Iż-żewġ kelmiet li għandhom ikunu fil-mira tal-attenzjoni wara l-pandemija huma rkupru u rikostruzzjoni, jiddikjara l-KESE fir-Riżoluzzjoni. Kemm l-investiment kif ukoll ir-riformi jridu jiġu implimentati sabiex negħlbu l-kriżi ekonomika u soċjali u nsaħħu r-reżiljenza tal-Ewropea għal xokkijiet futuri, u dan għandu jsir abbażi ta’ tkabbir inklużiv u sostenibbli, xogħol diċenti u l-ġustizzja soċjali.
Il-pilastri ewlenin għandhom ikunu:
- jiġi liberat il-potenzjal sħiħ tas-Suq Uniku;
- jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli;
- tinħoloq ekonomija ċirkolari u tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050;
- jiġu żgurati l-governanza tajba u r-responsabbiltà demokratika.
Hi u tikkummenta dwar l-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni, Christa Schweng, il-President tal-KESE, qalet: “Għandi fiduċja li r-rakkomandazzjonijiet tal-KESE, li ppreżentajna bil-quddiem sew, se jipprovdu kontribut ta’ valur għall-programm ta’ ħidma li ġej tal-Kummissjoni. Il-Kumitat jibqa’ impenjat bis-sħiħ biex jappoġġja s-sitt ambizzjonijiet il-kbar tal-Kummissjoni u jaqdi r-rwol tiegħu billi jiffaċilita d-djalogu fi ħdan is-soċjetà ċivili u mal-istituzzjonijiet Ewropej, sabiex dawn l-ambizzjonijiet isiru realtà”.
Is-Sinjura Schweng żiedet tgħid li l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini kollha, permezz ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, se tqiegħed il-proċess tal-irkupru u t-tfassil mill-ġdid tal-futur tal-Ewropea fuq bażi ġenwinament demokratiku: “Nistenna lill-Kummissjoni tadotta l-proposti tas-soċjetà ċivili organizzata Ewropea meta tistabbilixxi l-prijoritajiet għas-sena d-dieħla.”