European Economic
and Social Committee
Għoxrin sena minn mindu twaqqfet, is-CCMI hija aktar rilevanti minn qatt qabel
KESE Info: Is-CCMI se tiċċelebra l-20 anniversarju tagħha fit-8 ta’ Ġunju. X’kien ir-rwol tagħha sal-lum il-ġurnata, kif ikkontribwixxiet għall-aġenda tal-UE u kif qdiet is-soċjetà ċivili Ewropea? Se taqdi rwol essenzjali għall-futur tal-Ewropa?
Jacques Glorieux, Membru tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI): Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali twaqqfet fl-2002 fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew bħala kummissjoni leġiżlattiva distint. Hija ħadet post il-kumitat konsultattiv tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA), maħluqa mit-Trattat ta’ Pariġi fl-1952 għal perjodu ta’ ħamsin sena. Għalhekk hija l-eqdem korp iddedikat għall-antiċipazzjoni u l-appoġġ għat-tibdil industrijali.
Rajt din it-transizzjoni sseħħ personalment, peress li kont ir-rappreżentant Belġian tal-Grupp III – Faħam, Importaturi u Konsumaturi – fil-Kummissjoni Konsultattiva tal-KEFA fil-Lussemburgu mill-1998 sa Lulju 2002. Imbagħad ingħaqadt mal-KESE fis-CCMI – li kienet għadha kif ġiet stabbilita – u bħalissa jiena membru tal-Bureau tagħha (koordinatur tal-Kategorija III – Delegati).
F’dawn l-għoxrin sena, is-CCMI xeħtet dawl u tat pariri dwar kwistjonijiet ta’ importanza partikolari għas-soċjetà ċivili. Kienet, pereżempju, is-CCMI li ġibdet l-attenzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE dwar l-obsolexxenza programmata fl-2013. Hija pproduċiet firxa wiesgħa ta’ Opinjonijiet, u għamlet l-aħjar użu mill-għarfien espert settorjali mhux biss tal-membri tagħha, iżda b’mod partikolari tad-delegati tagħha. Din is-sħubija doppja hija fattur uniku u b’saħħtu tas-CCMI.
L-attività prinċipali tas-CCMI hija bbażata fil-missjoni storika tagħha li tanalizza l-bidliet industrijali b’rabta mal-faħam u l-azzar, b’mod partikolari d-delokalizzazzjoni, ir-rilokazzjoni u r-ristrutturar tal-industriji. Madankollu, ninsab kburi ħafna ngħid li s-CCMI estendiet b’suċċess il-mandat tagħha biex tkopri l-ekosistemi industrijali kollha, inklużi, pereżempju, l-industriji li jużaw ir-riżorsi u l-enerġija b’mod intensiv, materja prima kritika, l-industriji tas-saħħa, is-settur tal-karozzi u l-industriji tal-bini tal-bastimenti, u tal-manifattura ajruspazjali u tal-manifattura tad-difiża.
Jiena fiduċjuż dwar il-futur tas-CCMI, għax il-missjoni tagħha hija iktar rilevanti llum il-ġurnata minn qatt qabel. Il-politika industrijali, li kienet fil-qalba tal-integrazzjoni Ewropea sa mill-bidu nett bis-saħħa tal-KEFA, għadha fil-quċċata tal-aġenda Ewropea, b’mod partikolari fil-kuntest tal-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19, li kixfet dipendenzi kritiċi u affettwat ħafna s-Suq Uniku. Bl-istess mod, l-invażjoni reċenti tal-Ukrajna żvelat vulnerabbiltajiet li wasslu għal skarsezza ta’ ċerti materjali u komponenti kritiċi fl-Ewropa, u żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. F’dan il-kuntest volatili, li t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali tirnexxi hija essenzjali u urġenti sabiex tingħata spinta lir-reżiljenza u l-awtonomija strateġika tal-Ewropa .
Dawn it-trasformazzjonijiet qegħdin u se jkomplu jollhom impatt fuq il-ħajja ta’ kuljum tagħna b’mod li qatt ma deher qabel u l-KESE, u b’mod partikolari s-CCMI, jeħtieġ li jkollhom rwol ewlieni fil-ħolqien ta’ Tranżizzjoni Ġusta għal futur li fih l-industrija tkun kompatibbli mal-ambjent, fejn l-ekonomija tiffjorixxi u fejn il ħaddiema jkunu mħarsa. Qabel is-sajf tal-2022, is-CCMI ser tadotta Opinjonijiet li jkopru l-Att dwar iċ-Ċipep mill-perspettiva settorjali tal-industriji ajruspazjali u tad-difiża, it-teknoloġiji kritiċi tad-difiża u s-sigurtà – suġġett fundamentali għall-ksib tal-awtonomija strateġika miftuħa – u t-teknoloġiji tad-dekarbonizzazzjoni.
Fit-8 ta’ Ġunju, se niċċelebraw l-20 anniversarju tas-CCMI, iżda se nkunu qed inħarsu ’l quddiem u nindirizzaw dawn il-kwistjonijiet kollha, billi nirriflettu kif il-KESE jista’ jikkontribwixxi bl-aħjar mod biex jinstabu tweġibiet għall-isfidi li qed jiffaċċjaw is-setturi industrijali Ewropej kollha sabiex jibqgħu kompetittivi. Il-Konferenza ser tkun opportunità biex jingħata leħen lis-soċjetà ċivili organizzata, attur ewlieni biex tiżgura li dawn it-trasformazzjonijiet isiru b’mod ġust u ekwu, u li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura.
Nistedinkom ilkoll issegwu dan l-avveniment permezz tas-sit web iddedikat għas-CCMI hawnhekk:https://www.eesc.europa.eu/mt/agenda/our-events/events/ccmi-20th-anniversary