Christa SCHWENG

Niċċelebraw l-unità u nuru solidarjetà

Din is-sena, iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum l-Ewropa fid-9 ta’ Mejju kienu differenti. L-aggressjoni Russa mhux ġustifikata u mhux provokata kontra l-Ukrajna tfakkarna brutalment dwar ir-raġuni għaliex inħolqot l-UE u l-importanza tal-paċi u s-solidarjetà. Din is-sena aktar minn qatt qabel, niċċelebraw l-għaqda tagħna u l-kisbiet tal-UE. Barra minn hekk, għandna nkomplu nuru s-solidarjetà tagħna mal-Ukrajna.

Fid-9 ta’ Mejju, rajna wkoll l-avveniment marbut mal-għeluq tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa. L-ambitu inizjali tagħha twessa’ biex tindirizza sfida ġdida: il-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi tal-gwerra fl-Ukrajna f’ambjent ta’ wara l-pandemija li diġà huwa diffiċli.

Wara kważi sena, nista’ ngħid li l-esperiment tal-Konferenza pjuttost kien suċċess. B’mod ġenerali, il-proċess kien trasparenti u l-eżitu huwa pjuttost pożittiv. Iżda x-xogħol għadu ’l bogħod milli mitmum. Issa, irridu nissodisfaw il-ħtiġijiet u l-aspettattivi taċ-ċittadini.

Bħala l-ewwel pass, għandu jinħoloq dashboard biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jaraw x’azzjonijiet ittieħdu bi tweġiba għal kull rakkomandazzjoni. Din l-għodda tiżgura segwitu strutturat u trasparenti. Fil-fatt, it-trasparenza kif ukoll rappreżentanza ġusta huma fatturi importanti f’demokrazija parteċipattiva.

Riżultat ieħor li jista’ jkun possibbli huwa l-ħolqien ta’ skambju permanenti maċ-ċittadini abbażi tat-tagħlimiet misluta mill-Konferenza, li fih il-KESE jaġixxi bħala l-intermedjarju istituzzjonali.  

Fil-kuntest tal-Konferenza, nixtieq għal darb’oħra nenfasizza l-importanza tal-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata fit-tiswir tal-politika. Il-Kumitat se jkompli jaħdem mill-qrib mal-istituzzjonijiet kollha tal-UE lejn għanijiet komuni li għandhom jagħmlu s-soċjetajiet tagħna aktar b’saħħithom.

Se niżguraw li l-kontribut tas-soċjetà ċivili organizzata jkun fil-qalba ta’ demokrazija parteċipattiva msaħħa. Li nkunu lkoll involuti, b’mod awtomatiku, għandu jkun il-bażi għal Unjoni Ewropea li tkun post ideali li wieħed jgħix fih u jirnexxi.

Christa Schweng
, President tal-KESE