Fl-okkażjoni tal-20 anniversarju tagħha, il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI) tal-KESE ser torganizza avveniment fit-8 ta’ Ġunju, fil-bini Charlemagne fi Brussell, biex tħares lejn l-isfidi futuri għall-industrija Ewropea. 

Il-konferenza ser tindirizza r-rwol tas-CCMI fi ħdan il-KESE u vis-à-vis istituzzjonijiet Ewropej oħra, u ser tħares lejn kif is-CCMI tista’ tipprovdi valur miżjud u tgħin biex tiġi żgurata tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ta’ suċċess għall-industrija Ewropea. Ser tirrifletti dwar kif il-KESE jista’ jikkontribwixxi bl-aħjar mod biex jinstabu tweġibiet għall-isfidi li qed jiffaċċjaw is-setturi industrijali Ewropej kollha sabiex jibqgħu kompetittivi, u dwar il-ħtieġa li jsir progress lejn awtonomija strateġika miftuħa. 

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (magħrufa bl-akronimu Franċiż tagħha CCMI għal “Commission consultative des mutations industrielles”) ħadet il-wirt tal-Kumitat Konsultattiv tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar fl-2002, meta ntemm it-trattat ta’ 50 sena ta’ dan il-Kumitat. Bħala tali, huwa l-eqdem korp tal-UE ddedikat għat-tbassir tal-futur u li jakkumpanja t-tranżizzjoni tas-setturi industrijali. Ġie stabbilit bħala kummissjoni distinta fi ħdan il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Filwaqt li l-attività prinċipali tas-CCMI hija bbażata fil-missjoni storika tagħha li tanalizza l-bidliet industrijali tal-faħam u l-azzar, il-kompetenza tagħha ġiet gradwalment estiża sabiex tinkludi l-ekosistemi industrijali kollha, u tkopri kemm il-manifattura kif ukoll is-servizzi.

Għal aktar informazzjoni, ara https://www.eesc.europa.eu/mt/agenda/our-events/events/ccmi-20th-anniversary (ks)