European Economic
and Social Committee
Il-KESE jipproponi aġenzija biex tiġi koordinata aħjar l-azzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni ċivili u l-għajnuna umanitarja
F’Opinjoni fuq inizjattiva proprja, il-KESE ppropona li titwaqqaf aġenzija Ewropea biex tagħmel tajjeb għan-nuqqasijiet tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili, li ma jidhirx li għadu kapaċi jirrispondi għad-diżastri relatati mat-tibdil fil-klima u katastrofi multipli, bħall-gwerra attwali fl-Ukrajna.
L-aġenzija, kif proposta mill-KESE, tgħaqqad il-protezzjoni ċivili u l-għajnuna umanitarja b’mod aktar konsistenti, u twitti t-triq għal azzjoni tal-politika barranija aktar b’saħħitha.
Minkejja r-rinforzi u l-adattament legali tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili (UCPM) f’Mejju 2021, il-gwerra fl-Ukrajna wriet il-ħtieġa urġenti li jittejjeb il-mekkaniżmu u li l-protezzjoni ċivili u l-għajnuna umanitarja jkunu konnessi b’mod aktar koerenti.
Christophe Quarez, relatur tal-Opinjoni dwar It-tisħiħ tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili rrimarka li: Fid-dawl ta’ dawn l-isfidi ġodda kollha, u speċjalment bil-gwerra fl-Ukrajna, aħna tal-fehma li l-mekkaniżmu ma għandux biżżejjed għodda jew li dawn mhumiex effiċjenti biżżejjed. Il-proposta għall-ħolqien ta’ aġenzija Ewropea għall-protezzjoni ċivili u l-għajnuna umanitarja se tgħin lill-popolazzjoni Ukrena u se tindirizza aħjar kwistjonijiet oħra marbuta ma’ diżastri u sitwazzjonijiet ta’ kriżi umanitarja.
Violeta Jelić, korelatur għall-Opinjoni, żiedet tgħid li: Il-protezzjoni ċivili teħtieġ rikonoxximent aħjar tal-valur u tal-importanza tagħha mill-pajjiżi parteċipanti kollha f’dan l-att pur ta’ solidarjetà u sens ta’ appartenenza.
Il-KESE jqis li d-dimensjoni diplomatika tal-protezzjoni ċivili tal-UE mhijiex żviluppata biżżejjed. Peress li l-Unjoni Ewropea ilha tkun minn ta’ l-ewwel li tibgħat l-għajnuna umanitarja lill-pajjiżi ġirien, il-mekkaniżmu għall-protezzjoni ċivili sar għodda b’saħħitha fis-sett ta’ għodod tal-politika barranija tal-UE.
Il-KESE ppropona wkoll emenda leġiżlattiva sabiex jiġi awtorizzat rispons awtomatiku u immedjat fil-qafas tal-mekkaniżmu f’każ ta’ diżastru maħluq mill-bniedem, kemm fit-territorju tal-UE kif ukoll lil hinn minnu. (at)