Il-mistieden sorpriża

Kull xahar nippreżentaw mistieden sorpriża, persuna magħrufa li tagħtina l-perspettiva tagħha dwar ġrajjiet kurrenti: nifs ta’ arja friska biex inwessgħu l-orizzonti tagħna, jispirana u jagħmilna aktar konxji tad-dinja tal-lum.

Għall-edizzjoni tagħna ta’ Mejju, bi pjaċir nilqgħu l-istoriku rinomat, Norman Davies, li ġentilment aċċetta li jkun intervistat minn KESEinfo. Speċjalista kbir fl-istorja Ewropea, b'mod partikolari tal-Gran Brittanja, il-Polonja u l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, il-Professur Davies huwa l-awtur ta’ bosta bestsellers, bħal Europe: A History, God's Playground, Rising 44, Europe at war 1939-45 u Microcosm: Portrait of a Central European City. Il-Professur Davies huwa wkoll Professur Viżitatur fil-Kulleġġ tal-Ewropa.

Norman Davies twieled fl-1939 f'Bolton (Lancashire) u studja fl-Iskola ta’ Bolton, Magdalen College, Oxford, l-Università ta’ Sussex u f'diversi universitajiet kontinentali inklużi Grenoble, Perugia u Krakovja. Is-snin formattivi tiegħu tawh perspettiva Ewropea tul ħajtu kollha. Għal bosta snin kien Professur tal-Istorja fl-Iskola tal-Istudji Slavoniċi u tal-Ewropa tal-Lvant, fl-Università ta’ Londra, u għallem ukoll fl-universitajiet ta’ Columbia, McGill, Hokkaido, Stanford, Harvard, Adelaide, u l-Università Nazzjonali Awstraljana, Canberra. 

Il-Professur Davies huwa l-awtur ta’ White Eagle, Red Star: the Polish-Soviet War, 1919-20 (1972), God’s Playground: A History of Poland (1981), il-bestseller numru wieħed Europe: A History (1996), The Isles: A History (1998), Microcosm: Portrait of a Central European City (flimkien ma’ Roger Moorhouse, 2002), Rising ’44, the Battle for Warsaw (2003),  Europe at War, 1939-45 (2006) u Vanished Kingdoms (2011). Il-kotba tiegħu ġew tradotti f’aktar minn għoxrin lingwa, u huwa xandar regolari. 

Mill-1997 sal-2006, Norman Davies kien Fellow Supernumerarju f’Wolfson College, Oxford, u issa huwa Fellow Onorarju fil-Kulleġġ ta’ St. Antony, Oxford, u Professur tal-Unesco fl-Università Jagielloniana, Krakovja. Ilu Fellow tal-Akkademja Brittanika mill-1997 u mill-2011 ’l hawn tal-Learned Society ta’ Wales. Fil-Polonja ngħata l-Ordni tal-Ajkla l-Bajda, u fil-Gran Brittanja ngħata l-grad ta’ CMG għal servizzi għall-istorja. Huwa għandu dottorati onorarji minn diversi universitajiet fil-Gran Brittanja u l-Polonja, kif ukoll iċ-ċittadinanza onorarja ta’ ħamest ibliet, u huwa membru permanenti kemm ta' Clare Hall kif ukoll ta’ Peterhouse Cambridge.

Il-Professur Davies jgħix Oxford u Krakovja ma ’martu, Maria, u għandu żewġ ulied kbar fl-età, Daniel u Christian.
(ehp)