Fit-triq lejn it-tiġdid

Għeżież qarrejja,

Kien ta’ pjaċir u unur kbir għalija li nirrappreżenta lill-KESE matul dan il-mandat ta’ sentejn u nofs. Minkejja l-isfidi, ħdimna flimkien biex insawru Ewropa li tkun ekonomikament prospera, soċjalment inklużiva u ambjentalment sostenibbli. B’dan il-mod, iffaċċjajna provi bħal dik tal-COVID-19 u l-aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja fuq l-Ukrajna, bil-konsegwenzi soċjoekonomiċi kollha tagħha. Fittixna wkoll li nindirizzaw il-kriżi tal-enerġija u l-inflazzjoni għolja, kif ukoll li nippromovu t-tkabbir u l-kompetittività.

Mhux se nkun qed nirrevedi hawnhekk is-suċċessi miksuba permezz tal-azzjoni kollettiva tagħna matul dawn l-aħħar 30 xahar. Se jkun hemm ħin biex jiġu deskritti dawn il-kisbiet matul is-sessjoni plenarja tat-tiġdid f’April, li ġentilment nistedinkom għaliha. Inħeġġiġkom ukoll tikkonsultaw dan il-fuljett, li jelenka ħafna minnhom.
Tul il-presidenza tiegħi, irċevejt ħafna appoġġ u rikonoxximent għall-inizjattivi meħudin u mwettqin. Il-memorji pożittivi minn dan il-perjodu se jibqgħu miegħi għal dejjem.

Issa wasal iż-żmien li naqtgħu linja u nagħmlu rendikont tal-lezzjonijiet li tgħallimna. L-ewwel nett, tgħallimna minn xulxin. Tgħallimna li l-bidla hija possibbli meta jkun hemm impenn qawwi, li anke bid-differenzi tagħna, il-Kumitat tagħna jista’ jispikka, u li magħqudin nistgħu niksbu ħafna aktar milli nistgħu individwalment.  

Nixtieq nesprimi l-gratitudni tiegħi għall-impenn u l-appoġġ tal-membri u l-persunal tal-KESE matul il-presidenza tiegħi. Flimkien involvejna ruħna fi djalogi ġenwini bil-ħsieb li nsaħħu aktar il-vuċi tas-soċjetà ċivili organizzata fit-tfassil tal-politika tal-UE. L-impenn tagħna jeħtieġ li jkompli.
F’din l-aħħar edizzjoni tal-KESE Info taħt il-presidenza tiegħi, se ssir taf aktar dwar xi wħud mill-aħħar Opinjonijiet u avvenimenti tagħna. Għalhekk, nistiednek bil-qalb biex tkompli taqra.

Nixtieq nieħu wkoll din l-opportunità biex nawgura lis-suċċessur tiegħi vjaġġ eċitanti b’ħafna suċċessi.

Grazzi. Magħqudin għall-ġejjieni tal-Ewropa!

Christa Schweng

Il-President tal-KESE