L-Ukrajna ilha mill-24 ta’ Frar 2022 tilqa’ kontra l-invażjoni tagħha mir-Russja. Minbarra l-għajnuna militari u finanzjarja li tasal minn madwar id-dinja kollha, is-soċjetajiet ċivili Ewropej u Ukreni qed jaħdmu id f’id biex jgħinu lill-komunitajiet f’diffikultà. F’dan l-episodju ta’ The Grassroots View (Il-fehma tal-organizzazzjonijiet lokali), stedinna uħud mir-rappreżentanti tagħhom biex jgħidulna l-istejjer tagħhom.

Elena Calistru, membru tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, tispjega kif u għaliex ħafna ċittadini Rumeni qed jgħinu lill-Ukreni li qed jaħarbu biex isibu akkomodazzjoni u ikel. Hija titkellem dwar ir-rwol tal-KESE li bis-saħħa tan-network tiegħu rnexxielu joħloq malajr mekkaniżmi biex jgħinu lil dawk l-aktar li għandhom bżonn.

Marta Barandiy, fundatriċi tal-NGO Promote Ukraine, ibbażata fi Brussell u Kiev, tiddeskrivi s-sitwazzjoni mill-perspettiva Ukrena. Hija tgħidilna kif il-ħidma tagħha nbidlet minn meta faqqgħet il-gwerra, kemm huwa kruċjali r-rwol tas-soċjetà ċivili, u kif il-poplu Ukren qatt mhu se jċedi għall-invażur.

Fl-aħħar, Bartosz Wieliński, Viċi Kap Editur ta’ Gazeta Wyborcza, jgħidilna dwar l-impatt tal-gwerra fuq il-Polonja u kif il-poplu Pollakk qed jadotta approċċ ġdid għall-fenomenu tar-refuġjati. Huwa jispjega, pereżempju, kif is-sistema skolastika tilqa’ u tgħin liż-żgħażagħ Ukreni. (tk)