F’dibattitu spontanju mibdi mill-President tal-KESE Christa Schweng matul is-sessjoni plenarja ta’ Frar, il-membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ikkundannaw l-invażjoni mhux ġustifikata u mhux provokata tal-Ukrajna mill-Federazzjoni Russa. Il-membri tal-KESE esprimew is-solidarjetà tagħhom mal-poplu Ukren u appellaw għal azzjonijiet sodi kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali fi spirtu ta’ unità f’dan iż-żmien drammatiku.

Hija u tiftaħ id-dibattitu, il-President Christa Schweng enfasizzat in-natura kritika ta’ din is-sitwazzjoni għall-Ewropa u qalet: “Illum rajna aggressjoni fuq l-għatba tal-UE. Mossa bħal din tikkostitwixxi ksur sfaċċat tad-dritt internazzjonali u tal-ftehimiet internazzjonali, inklużi l-Ftehimiet ta’ Minsk. F’dawn is-sigħat, il-ħsibijiet tagħna huma mal-Ukrajna u s-soċjetà ċivili tagħha, u man-nisa, l-irġiel u t-tfal innoċenti huma u jiffaċċjaw dan l-attakk mhux provokat u biża’ għal ħajjithom. L-Ewropa jeħtiġilha tappoġġja lill-Ukrajna u s-soċjetà ċivili tagħha!”, qalet il-President Schweng.

Stefano Mallia, President tal-Grupp ta’ Min Iħaddem, enfasizza li: “L-UE hija ċertament magħquda f’xewqa għal azzjoni soda. Jien kont hemm fil-Pjazza Maidan u ħaġa li niftakar b’mod ċar hija x-xewqa kbira tas-soċjetà ċivili li tkun parti mill-Ewropa, li tkun parti mill-UE. L-Ukrajna ma tistax tiġi abbandunata. Irridu nkunu lesti li nġarrbu l-prezz tal-isforzi u l-azzjonijiet li jridu jittieħdu.”

Oliver Röpke, President tal-Grupp tal-Ħaddiema, żied jgħid ukoll li: “Issa huwa l-mument biex nesprimu l-oppożizzjoni tagħna u ngħidu b’mod ċar li l-Ewropa qatt mhi se tippermetti dan. Irridu nkunu magħqudin, insibu soluzzjoni għal din l-aggressjoni u nibqgħu spalla ma’ spalla f’solidarjetà sħiħa mal-poplu tal-Ukrajna”.

Fl-istess spirtu, Séamus Boland, President tal-Grupp Diversità Ewropa, esprima l-appoġġ tiegħu: “Qegħdin fix-xifer u rridu nilħqu lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Ukrajna. Fuq kollox, l-UE jeħtiġilha tibqa’ magħquda u turi solidarjetà mal-ġirien tagħna”.

Il-President tas-Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni tal-KESE, Dimitris Dimitriadis, qal li l-KESE se jagħmel l-almu tiegħu biex ikompli jappoġġja lis-soċjetà ċivili Ukrena permezz tal-mezzi stabbiliti sew tagħna, bħall-Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili UE-Ukrajna, u permezz tal-kuntatti bilaterali tagħna. (at)