Fis-sessjoni plenarja tiegħu tal-24 ta’ Frar, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ippreżenta l-Opinjoni “Lesti għall-mira ta’ 55 %”: Nilħqu l-mira klimatika tal-UE għall-2030 fi triqitna lejn in-newtralità klimatika. Il-KESE ressaq proposti konkreti biex jgħin ħalli jitħaffef il-pass tat-tranżizzjoni tal-enerġija, sabiex l-UE tkun tista’ tnaqqas l-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra b’mill-inqas 55 % sal-2030.

It-tilħiq tal-miri riveduti tal-2030, kif propost fil-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %”, se jkollu impatt mhux uniformi fuq ir-reġjuni, il-komunitajiet u l-individwi madwar l-Ewropa.

Sabiex jiġi indirizzat dan it-tħassib, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea twettaq immappjar granulari tal-impatt li t-tranżizzjoni se jkollha fuq l-impjieg u l-ħiliet fil-pajjiżi, ir-reġjuni u s-setturi differenti, inkluż fuq is-sottokuntratturi u l-ktajjen tal-valur downstream.

Jeħtieġ li nibdew mudell li jirriżulta f’ekonomija prospera, sostenibbli u kompetittiva. B’hekk, il-KESE qed jirrakkomanda li l-proposti leġiżlattivi kollha mressqa fil-qafas tal-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %” għandhom ikunu soġġetti għal verifika tal-kompetittività sabiex l-implikazzjonijiet sħaħ fuq l-intrapriżi jkunu mifhuma sew.

L-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet ewlenin tas-soċjetà ċivili għandhom rwol importanti x’jaqdu u jridu jkunu involuti kemm fil-fażijiet tal-ippjanar kif ukoll f’dawk tal-implimentazzjoni tal-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %”.

Għaldaqstant, “il-KESE jappoġġja l-istabbiliment tal-‘Kummissjonijiet ta’ Tranżizzjoni Ġusta’ tripartitiċi biex jippermettu lill-awtoritajiet reġjonali, lill-imsieħba soċjali u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jipparteċipaw fl-implimentazzjoni tal-pjani nazzjonali u reġjonali ta’ tranżizzjoni ġusta”, enfasizza s-Sur Lohan.

L-indirizzar tat-tibdil fil-klima se jkollu implikazzjonijiet finanzjarji, soċjali u ambjentali enormi. “Din hija r-raġuni għaliex jeħtieġ li niżguraw li l-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %” ikun pass importanti, aktar milli ostaklu, lejn ekonomija Ewropea newtrali f’termini ta’ emissjonijiet netti sal-2050,” indika s-Sur Mallia. (mr)