European Economic
and Social Committee
L-istrateġija l-ġdida tal-UE għall-kura hija test deċiżiv tal-Ewropa soċjali
Il-KESE laqa’ l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal strateġija Ewropea komprensiva għall-kura li għandha tiggarantixxi lill-Ewropej kollha l-possibbiltà li jirċievu kura tas-saħħa u servizzi tal-kura ta’ kwalità għolja matul ħajjithom.
Il-KESE faħħar il-proposti tal-Kummissjoni għal Strateġija Ewropea għall-Kura bħala pass importanti biex tintlaħaq struttura ta’ kura aċċessibbli u affordabbli fl-Ewropa li tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ dawk li jirċievu l-kura minn età tat-twelid sa dawk anzjani u tappoġġja lill-fornituri kollha tal-kura jkun xi jkun l-istatus tal-impjieg tagħhom.
Fl-Opinjoni adottata fis-sessjoni plenarja ta’ Jannar, il-KESE għamel diversi rakkomandazzjonijiet dwar l-istrateġija u ż-żewġ proposti tagħha, jiġifieri l-proposti dwar l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal (ECEC) u dwar il-kura fit-tul, adottati mill-Kunsill f’Diċembru.
Il-KESE tenna wkoll is-suġġeriment tiegħu li titnieda Garanzija Ewropea għall-Kura. B’mod simili għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ tal-UE, dan l-istrument jgħin biex jiżgura kura tas-saħħa u servizzi ta’ kura ta’ kwalità għal kull min jgħix fl-UE. Tindirizza wkoll id-defiċits fil-kura u tippromovi kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti għall-persuni li jindukraw, kemm dawk b’mod formali kif ukoll dawk b’mod informali.
“Barra li tkun disponibbli, aċċessibbli u affordabbli, aħna nsostnu wkoll li l-kura għandha tkun inklużiva, sostenibbli u bbażata fuq id-drittijiet tal-bniedem. Il-kura ta’ kwalità għolja għal kulħadd għad mhijiex realtà għal ħafna fl-Ewropa,” qalet ir-relatur tal-Opinjoni Kinga Joó.
L-Opinjoni tenfasizza l-ħtieġa li tingħata prijorità lill-affordabbiltà u lill-kontinwità tas-servizzi tal-kura b’reazzjoni għax-xokkijiet attwali marbuta mal-gwerra fl-Ukrajna, il-kriżi tal-enerġija u l-kriżi tal-għoli tal-ħajja. Tappella għal finanzjament adegwat għas-settur tal-kura u biex l-Istati Membri jiżguraw li l-impjiegi fis-settur tal-kura jkunu attraenti u mħallsa u vvalutati kif suppost.
“L-approċċ segwit fl-Opinjoni tagħna jikkondividi t-tħassib li ressqu l-atturi tas-soċjetà ċivili. Huwa bbażat fuq l-ideal proprju ta’ Ewropa soċjali. Aħna nenfasizzaw ukoll ir-rwol tal-Istati Membri, peress li huma l-pilastru ewlieni fl-istrateġija tal-kura. Jekk ma nikkonvinċuhomx li għandhom jieħdu responsabbiltà għall-kwistjonijiet elenkati u jekk mhux se jimlew il-lakuni fis-sistemi nazzjonali tagħhom, mhux se navvanzaw ħafna bl-istrateġija,” qalet il-korelatur Zoe Tzotze-Lanara.
Ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin stabbiliti fl-Opinjoni jinkludu l-appoġġ lill-familji fir-rwol fundamentali tagħhom fil-kura, l-immappjar rapidu tal-ħtiġijiet u r-realtajiet tal-persuni li jindukraw il-familja u tal-persuni li jindukraw b’mod informali, it-tilħiq tal-bilanċ bejn il-ġeneri u l-ugwaljanza fis-setturi tal-kura formali u tal-kura informali, u protezzjoni aħjar tad-drittijiet tal-ħaddiema kollha fis-settur tal-kura, irrispettivament mill-istatus ta’ migrazzjoni u residenza tagħhom. (ll)