Kull xahar, fil-kolonna tagħna “Il-Mistieden Sorpriża”, nintroduċu personalità li ħidmitha u l-impenn tagħha huma ta’ ispirazzjoni għal oħrajn. B’mod partikolari l-kuraġġ, il-karattru sod u d-determinazzjoni tagħhom biex jieħdu azzjoni huma eżemplari.

Il-mistiedna ta’ KESE Info dan ix-xahar hija Hanna Liubakova, attivista u ġurnalista mill-Belorussja li qed issemma leħinha biex tagħti messaġġ qawwi li issa, iktar minn qatt qabel, l-oppożizzjoni Belorussa teħtieġ l-Ewropa. Qed tappella lill-Unjoni Ewropea u lil donaturi oħra biex jappoġġjaw l-azzjonijiet tal-oppożizzjoni u, b’mod partikolari, biex jappoġġjaw lill-ġurnalisti u lill-NGOs fil-ġlieda tagħhom għal-libertà u d-demokrazija.

Hija trid li leħinha jinstema’, speċjalment meta titlob għal għajnuna fil-ħolqien ta’ kultura ta’ oppożizzjoni u dibattitu rispettuż, u fit-tisħiħ tal-proċess ta’ trasformazzjoni.

Hanna Liubakova hija ġurnalista mill-Belorussja u sieħba mhux residenti tal-Kunsill Atlantiku. Hija taħdem bħala ħarrieġa u mentor fil-qasam ġurnalistiku. Hija bdiet il-karriera tagħha fl-uniku stazzjon televiżiv Belarussu indipendenti, Belsat, fejn ħadmet bħala korrispondent u preżentatriċi tat-TV. Hija rrappurtat minn diversi pajjiżi u reġjuni, inklużi l-Belġju, ir-Renju Unit, il-Polonja, Franza u ċ-Ċeċenja. Ingħatat il-Václav Havel Journalism Fellowship f’Radio Free Europe/Radio Liberty fiċ-Ċekja, u Fellowship tal-Istitut Dinji tal-Istampa fl-Istati Uniti. Hanna Liubakova kisbet lawrja fl-Istorja tal-Arti mill-Università Jagiellonian fi Krakovja, il-Polonja fl-2010 u Masters tal-Arti b’distinzjoni fil-Ġurnaliżmu Internazzjonali mill-Università ta’ Brunel f’Londra fl-2017. Ingħatat il-Premju Peter Caws għall-aħjar dissertazzjoni postgradwatorja. (ehp)