Il-KESE qed jospita wirja virtwali tar-ritratti tal-fotografu Franċiż Frédéric Stucin, li turi lil dawk li jagħmlu konsenji tal-ikel bħala karatteristika distintiva tal-ħajja urbana tal-lum il-ġurnata u forma ġdida ta’ impjieg li sikwit taħrab mid-dispożizzjonijiet Ewropej dwar is-saħħa u s-sikurezza għall-ħaddiema.

Il-wirja tinkludi sensiela ta’ 20 ritratt ta’ rikkieba li jagħmlu konsenji tal-ikel u li jaħdmu għal Uber Eats, Deliveroo u pjattaformi simili oħra.

“Għaddejjin jiġru fil-belt lejl u nhar, fuq il-muturi u l-iscooters, dawn ir-rikkieba jfakkruni f’dawk ir-rikkieba leġġendarji li kienu jwasslu l-posta għall-Pony Express fl-Istati Uniti”, jgħid Frédéric Stucin.

Ir-ritratti juru l-kundizzjonijiet iebsa li jaħdmu fihom – jaħdmu barra f’kull tip ta’ temp, ikollhom jistennew barra r-ristoranti, iħallsu l-ispejjeż tat-trasport tagħhom stess u l-multi, ikollhom isibu tarf pjattaformi insensibbli u jiffaċċjaw klijenti diffiċli, u jkollhom jaċċettaw il-fatt li jistgħu jkunu involuti f’aċċident tat-traffiku.

Il-pjattaformi li jaħdmu għalihom isemmu l-flessibbiltà u l-libertà li għandhom ir-rikkieba biex jagħżlu s-sigħat tax-xogħol tagħhom, però ħafna minn dawn il-ħaddiema jiġu miċħuda ħafna drittijiet bażiċi tax-xogħol. Sar xi progress u xi pjattaformi issa joffru kundizzjonijiet kemxejn aħjar, mentri l-ħaddiema stess bdew jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ appoġġ reċiproku.

“B’dawn ir-ritratti ridt nagħti ġieħ lil dawn l-individwi kuraġġużi li jistħoqqilhom ir-rispett tagħna”, jgħid Stucin.

Ir-ritratti jixħtu dawl fuq il-kwistjonijiet li jikkonċernaw dan il-grupp dejjem jikber ta’ ħaddiema atipiċi, u dan b’mod parallel mal-Opinjoni tal-KESE dwar Id-djalogu soċjali bħala għodda għall-promozzjoni tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, li għandha tiġi diskussa fil-plenarja ta’ Jannar.

Il-wirja, li qed tiġi organizzata b’mod konġunt mal-Presidenza Franċiża tal-Kunsill tal-UE, se ssir mill-15 ta’ Jannar sal-15 ta’ Frar 2022. Skopriha HAWNHEKK. (ck)