European Economic
and Social Committee
Jalla dis-sena ġġib aktar prevedibbiltà, paċi u ferħ
Jalla dis-sena ġġib aktar prevedibbiltà, paċi u ferħ
Għeżież qarrejja,
Bdejna l-2021 u għadna maħkumin mill-COVID-19, miżuri ta’ lockdown u ħerba fis-suq tal-impjiegi iżda b’tama għal futur aħjar minħabba l-vaċċin. Dak li hu importanti dis-sena hu li niżguraw id-dożi għal kulħadd u nikkonvinċu lin-nies jitlaqqmu. Hekk kif ikun hemm progress fil-kampanja tat-tilqim, l-enfażi se tkun iktar u iktar fuq l-irkupru u l-ħolqien ta’ Ewropa wara l-COVID-19.
Il-Portugall, li ħa f’idejh il-Presidenza tal-Kunsill tal-UE fl-1 ta’ Jannar, adotta b’mod ċar dan l-approċċ usa’ u li jħares ’l quddiem. Il-prijoritajiet ta’ Lisbona jikkonċentraw fuq il-ġlieda kontra l-kriżi ekonomika u l-ġlieda kontra l-impatt tagħha fuq iċ-ċittadini permezz ta’ rkupru ġust, ekoloġiku u diġitali.
Il-KESE jilqa’ dawn il-prijoritajiet u se jikkontribwixxi billi jibdel il-kliem f’azzjoni permezz ta’ Opinjonijiet esploratorji mitluba mill-Presidenza Portugiża. Se nindirizzaw is-suġġett tat-telexogħol, inkluż mill-perspettiva tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Il-membri tagħna se jaħdmu wkoll fuq Opinjonijiet dwar it-taħriġ vokazzjonali u dwar l-isfidi futuri taż-żona ferrovjarja unika Ewropea.
Ir-rwol tal-ekonomija soċjali fil-ħolqien tal-impjiegi u fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali huwa s-suġġett ta’ Opinjoni oħra mitluba. Dejjem fil-qasam tal-affarijiet soċjali, għandi stennijiet għoljin għas-Summit Soċjali informali tal-UE skedat li jsir f’Porto f’Mejju 2021. Il-KESE jixtieq jibqa’ jinvolvi ruħu fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.
Ċertament, se nkomplu bil-ħidma tagħna fuq it-tranżizzjoni diġitali u dik ekoloġika – żewġ tendenzi kbar ħafna li huma kruċjali għat-tfassil tal-ġejjieni tal-UE. Kif enfasizzajt fil-prijoritajiet tal-Presidenza tiegħi, irridu niżguraw li l-UE b’mod ġenerali u ċ-ċittadini b’mod partikolari jaħsdu l-benefiċċji ta’ dawn it-tranżizzjonijiet.
L-2021 hija l-ewwel sena tal-baġit il-ġdid fit-tul tal-UE u l-mument fejn se jiġu rilaxxati r-riżorsi eċċezzjonali pendenti disponibbli fil-kuntest tal-Fond għall-Rkupru Next Generation EU. Il-KESE jixtieq jimmonitorja l-implimentazzjoni tiegħu fil-livell nazzjonali. L-għarfien espert fil-livell lokali tal-membri tagħna jista’ jgħin biex jiġu identifikati l-ostakli fir-rilaxx tal-fondi u biex jiġi vvalutat l-impatt ta’ dawn ir-riżorsi bla preċedent fuq l-irkupru. Huwa estremament importanti li jkun aċċess rapidu għall-fondi.
Madankollu għadha ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni dwar il-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa Nittama li d-dibatittu interistituzzjonali dwar dan is-suġġett jiġi fi tmiemu sabiex inkunu nistgħu naħdmu fuq il-kontribut tas-soċjetà ċivili organizzata għal din id-diskussjoni.
Fl-aħħar u mhux l-inqas, se nkomplu nibnu l-immaġni tal-istituzzjoni tagħna. Kif wegħedt fil-bidu tal-Presidenza tiegħi, qegħdin naħdmu fuq it-tisħiħ tal-istandards etiċi u t-trasparenza permezz ta’ Kodiċi ta’ Kondotta mtejjeb.
Nittama li lkoll tieħdu gost taqraw dan il-bullettin u nawguralkom għall-2021! Jalla dis-sena ġġibilna aktar prevedibbiltà, paċi u ferħ
Christa Schweng
Il-President tal-KESE