Hekk kif il-Portugall qed jieħu f’idejh ir-riedni tal-UE u jressaq l-aġenda soċjali ’l fuq fil-lista ta’ prijoritajiet, il-KESE qed jospita wirja virtwali ta’ xogħol mill-artista Portugiża Maria Reis Rocha li tagħti ġieħ lill-konnessjoni u s-solidarjetà tal-bniedem.

Hand in Hand hija serje ta’ illustrazzjonijiet u filmati qosra minn Maria Reis Rocha (https://www.mariareisrocha.com/) dwar kwistjonijiet soċjali jaħarqu bħas-saħħa mentali, il-parteċipazzjoni u t-trasformazzjoni soċjali, l-edukazzjoni ta’ kwalità, l-aċċess universali għall-kura tas-saħħa, il-ġlieda kontra l-faqar u r-razziżmu, u d-drittijiet tat-tfal.

Dawn is-suġġetti huma marbuta mill-qrib mal-prijoritajiet tal-Presidenza Portugiża (Ewropa reżiljenti, Ewropa soċjali, Ewropa ekoloġika, Ewropa diġitali u Ewropa globali), li tibda fl-1 ta’ Jannar 2021.

Bħala avveniment kulturali inawgurali, il-wirja qed tiġi ppreżentata b’mod diġitali minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u se tittella’ mill-15 ta’ Jannar sal-15 ta’ Frar 2021 fuq: https://www.eesc.europa.eu/en/agenda/our-events/events/hand-hand (ck)