Minn Peter Schmidt, Diandra Ní Bhuachalla u Arnaud Schwartz

Il-KESE rrappreżenta s-soċjetà ċivili tal-UE fil-COP29 fil-belt kapitali tal-Ażerbajġan, Baku, u rrakkomanda azzjoni klimatika urġenti u tanġibbli u l-prijoritizzazzjoni tal-ġustizzja soċjali u ambjentali fin-negozjati dwar il-klima. 

Minn Peter Schmidt, Diandra Ní Bhuachalla u Arnaud Schwartz

Il-KESE rrappreżenta s-soċjetà ċivili tal-UE fil-COP29 fil-belt kapitali tal-Ażerbajġan, Baku, u rrakkomanda azzjoni klimatika urġenti u tanġibbli u l-prijoritizzazzjoni tal-ġustizzja soċjali u ambjentali fin-negozjati dwar il-klima. 

Peter Schmidt, president tal-Grupp Ad Hoc dwar il-COP, tkellem magħna dwar il-messaġġi ewlenin tal-KESE dwar it-tema ewlenija tal-COP29 – il-finanzjament għall-klima.

Peter Schmidt: Iż-żieda fl-avvenimenti klimatiċi estremi fid-dinja kollha hija tfakkira qawwija biex inżidu l-ambizzjoni klimatika. Dis-sena se tkun l-aktar sena sħuna li qatt ġiet irreġistrata, id-diżastri klimatiċi kkawżati mill-bniedem bħall-għargħar, in-nirien fis-selvaġġ u n-nixfiet qed iseħħu aktar ta’ spiss u b’intensità akbar, li jaggravaw l-inugwaljanzi soċjali. L-ispiża tan-nuqqas ta’ azzjoni klimatika taqbeż bil-bosta l-ispiża tal-azzjoni.

Ir-riskji fir-rigward tal-COP29 huma għoljin. Il-ftehim dwar soluzzjonijiet globali ta’ finanzjament għall-klima huwa kruċjali għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jisfruttaw il-mezzi għal azzjoni klimatika globali. Permezz tal-parteċipazzjoni tiegħu fil-COP29 f’Baku, il-KESE ressaq rakkomandazzjonijiet ibbażati fuq l-Opinjoni tagħna dwar il-finanzjament għall-klima li tiffoka fuq it-tfassil mill-ġdid tal-arkitettura finanzjarja internazzjonali biex jiġi sfruttat u ffaċilitat finanzjament għall-klima li jkun effettiv u aċċessibbli.

Enfasizzajna l-ħtieġa li jiġi stabbilit l-Għan Kollettiv Ġdid Kwantifikat biex jitnaqqsu d-distakki fil-finanzjament għall-klima, li għandu jagħmel il-finanzjament għall-klima aktar adatt għall-iskop tiegħu, favur il-bijodiversità, li jħalli impatt u mmirat b’mod preċiż lejn il-pajjiżi u l-komunitajiet l-aktar vulnerabbli. Il-flussi tal-finanzjament għall-klima għandhom ikunu ggwidati mill-prinċipji ta’ Tranżizzjoni Ġusta, f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi u mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli fil-qalba tagħhom. L-impenji fit-tul kemm mill-atturi pubbliċi u minn dawk privati huma kruċjali, u l-finanzi pubbliċi se jaqdu rwol kruċjali fil-mobilizzazzjoni u t-tnaqqis tar-riskji tal-investimenti privati għall-inizjattivi klimatiċi.

Waqt li l-aċċess għall-finanzjament għall-klima għandu jkun possibbli għal inizjattivi lokali u movimenti fil-livell lokali, il-Kumitat jappella wkoll għal approċċ komprensiv biex jinkiser iċ-ċiklu ta’ dejn u sottoinvestiment fl-adattament. Nappellaw għad-distribuzzjoni ekwa tal-fondi għall-klima biex jiġu indirizzati d-disparitajiet. Barra minn hekk, l-involviment tas-soċjetà ċivili huwa kruċjali għall-ħolqien ta’ approċċ inklużiv u demokratiku li jiżgura li l-investimenti klimatiċi jkunu effettivi u sostenibbli.

Id-delegata taż-żgħażagħ tal-KESE għall-COP (2023-2025), Diandra Ní Bhuachalla, tkellmet magħna dwar dak li qed tistenna mill-COP29. Mill-perspettiva ta’ żagħżugħa, liema huma l-aktar kwistjonijiet klimatiċi urġenti li jeħtieġ insolvu l-ewwel?

Diandra Ní Bhuachalla: Wara d-diżappunt tal-eżiti tal-COP28, ippruvajt inrażżan kemm jista’ jkun l-aspettattivi tiegħi għall-COP29. Fhimt li l-eżiti ta’ konferenza annwali oħra kienu se jkunu limitati minħabba l-għażla tal-Presidenza – għal darb’oħra Stat ieħor dipendenti ferm mill-profitti mill-fjuwils fossili – u ma kien faċli xejn għalija li nibqa’ nittama.

Madankollu, wara li kkonsultajt ma’ diversi organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ mill-Ewropa kollha permezz tal-laqgħat strutturati tat-Task Force għaż-Żgħażagħ bħala parti mill-programm Delegat taż-Żgħażagħ tal-KESE għall-COP, iddeċidejt li aħjar niffoka fuq il-Ġustizzja Klimatika u t-Tranżizzjoni Ġusta, il-Finanzjament għall-Klima u Għan Kollettiv Kwantifikat Ġdid, u ż-żieda fil-parteċipazzjoni sinifikanti taż-żgħażagħ fil-proċessi internazzjonali tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

Issa li naf kemm negozjati ma waslu mkien fl-ewwel ġimgħa minħabba l-assenza totali ta’ ftehim u kooperazzjoni – inkluż dwar il-ġeneru, il-finanzjament għall-klima, u t-tranżizzjoni ġusta – irrealizzajt li l-aspettattivi tiegħi reġgħu kienu għoljin wisq u għalhekk iffukajt l-isforzi ta’ promozzjoni tiegħi fuq l-avvenimenti paralleli u l-laqgħat bilaterali. Bqajt nittama f’żewġ affarijiet: li ma nitilfux il-formulazzjoni eżistenti, speċjalment dwar id-drittijiet tal-bniedem, u li niksbu ftit progress biex ikollna l-affarijiet perfettament f’posthom bi tħejjija għall-COP30, li ħafna jidhru li qed jittamaw b’mod esklużiv fiha.

Minħabba n-natura intersezzjonali tat-tibdil fil-klima u l-effetti tiegħu, ma stajtx nipprova nikklassifika l-kwistjonijiet f’ordni ta’ importanza jew urġenza. Iż-żgħażagħ jinsabu inkwetati dwar il-futur tagħhom, fir-rigward tas-sigurtà tal-impjieg tagħhom u jekk humiex se jiġu mġiegħla jitħarrġu mill-ġdid; fir-rigward tal-akkomodazzjoni u l-familji tagħhom u s-sikurezza f’każ ta’ maltempati, għargħar u erożjoni; fir-rigward tas-saħħa u l-kwalità tal-ħajja tat-tfal futuri tagħhom jew tabilħaqq tal-ġenerazzjoni li jmiss; u fir-rigward ta’ kif il-ġenerazzjoni tagħna se tingħata l-kompitu ta’ negozjati dwar il-klima ferm aktar diffiċli meta aħna nsiru dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, minħabba li llum qajla qed tittieħed azzjoni anke jekk nafu li l-impatt ta’ dan se jibqa’ jinħass għal għexieren ta’ snin.

Neħtieġu l-ġustizzja klimatika issa. Neħtieġu finanzjament realistiku għall-klima issa. Neħtieġu impjieg u tranżizzjoni tal-enerġija ġusti u ekwi issa. Neħtieġu ambizzjoni issa. Neħtieġu l-implimentazzjoni issa.

Għandna bżonnkom ilkoll issa.

Il-COP16 dwar il-bijodiversità, li saret f’Cali, il-Kolombja f’Ottubru, intemmet b’mod diżorganizzat u mingħajr ftehim dwar il-finanzjament tan-natura. Staqsejna lil Arnaud Schwartz, rappreżentant tal-KESE fil-COP16, jekk nistgħux nibqgħu ottimisti minkejja dan l-intopp. X’azzjonijiet għandhom jittieħdu biex isir progress fil-protezzjoni tal-bijodiversità?

Arnaud Schwartz: 200 biljun dollaru fis-sena. Li – skont in-NU – huwa l-ammont ta’ flus meħtieġ (inklużi t-tipi kollha ta’ finanzjament – pubbliku, privat, nazzjonali u internazzjonali) biex jintlaħqu l-miri tagħna tal-bijodiversità. Allura dan x’jirrigwarda? Dan ma jirrigwarda xejn aktar ħlief li jitrażżan il-kollass tad-dinja tal-organiżmi ħajjin, li bħalissa qed jisparixxi b’rata dejjem aktar mgħaġġla, u huwa dwar ir-restawr tan-natura u l-għoti ta’ ċans ta’ sopravivenza f’dinja “abitabbli”, minflok ma titħalla tinqered mir-rgħiba u mill-istupidità.

X’inhu l-futur wara l-falliment tal-COP16?

Ilkoll kemm aħna għandna nistaqsu lilna nfusna din il-mistoqsija u nqajmuha ma’ dawk ta’ madwarna, speċjalment peress li diġà nafu li, fi Franza biss, kull sena, aktar minn kwart ta’ din is-somma qed jintefaq biex inħejju għal gwerra, jew biex niġġilduha. Fil-fatt, mil-lat globali, il-laqgħa ta’ Cali kienet opportunità mitlufa, minħabba n-nuqqas ta’ rieda politika u n-nuqqas ta’ solidarjetà ekonomika.

Madankollu, mhux kollox mitluf.

Għad hemm xaqq ta’ dawl inemnem: din il-COP irrikonoxxiet lill-popli indiġeni u lill-komunitajiet lokali għar-rwol tagħhom bħala gwardjani tal-bijodiversità – wara madwar 30 sena ta’ prevarikazzjoni – kif ukoll dawk ta’ oriġini Afrikana; inħoloq ukoll fond ġdid tan-NU, magħruf bħala l-Fond Cali. Fuq medda twila ta’ żmien, dan il-fond għandu jintuża biex jinġabru kontribuzzjonijiet volontarji minn kumpaniji privati, li nofshom se jmorru għall-gruppi ta’ nies imsemmijin hawn fuq. Wow!

Intom ... intom ... tabilħaqq ...

Intom parti minna; aħna parti minnkom. U sabiex inkomplu fil-perkors komuni tagħna, jista’ jkun utli li nibdew billi npoġġu l-ekonomija tagħna lura fit-triq it-tajba biex tkun ta’ benefiċċju għall-ġid komuni. Allura ... sabiex ma nibqgħux niġbdu t-tapit minn taħt saqajna, x’qed nistennew qabel ma nerġgħu nżuru r-regoli internazzjonali dwar il-finanzi u l-kummerċ?

Il-fokus primarju tad-delegati tal-KESE fil-COP29, Peter Schmidt u Diandra Ní Bhuachalla, kien il-finanzjament għall-klima, li fih kienu ggwidati mill-Opinjoni reċenti tal-KESE dwar Il-finanzjament għall-klima: pjan direzzjonali ġdid għat-twettiq tal-ambizzjoni klimatika għolja u l-SDGs. Wieħed mill-avvenimenti ewlenin immexxija mill-KESE f’Baku kien “A global perspective towards fostering a just transition in the agri-food sector” (Perspettiva globali lejn it-trawwim ta’ tranżizzjoni ġusta fis-settur agroalimentari) fit-18 ta’ Novembru. L-avveniment esplora l-bini ta’ sistemi tal-ikel sostenibbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju li huma ġusti għall-bdiewa, għall-ħaddiema fil-katina alimentari u għall-ġenerazzjonijiet futuri. L-għan kien li tittejjeb il-kollaborazzjoni bejn dawk li jfasslu l-politika u s-soċjetà ċivili, waqt li jiġu amplifikati l-vuċijiet min-Nofsinhar globali u jiġu avvanzati soluzzjonijiet klimatiċi inklużivi għal kulħadd.

Bħala membru tad-delegazzjoni tal-UE, Arnaud Schwartz ħa sehem f’laqgħat li appellaw għal sinerġiji akbar bejn il-proċessi tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB) u t-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), it-tneħħija gradwali ta’ sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent bħala mezz biex jiġu lliberati aktar riżorsi finanzjarji, u rwol aktar attiv għas-soċjetà ċivili organizzata fl-implimentazzjoni tal-Qafas Globali tal-Bijodiversità ta’ Kunming-Montreal. Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar il-kontribut tal-KESE għall-COP16 hawnhekk.

Is-Sur Schwartz huwa r-relatur tal-Opinjoni tal-KESE Strateġija komprensiva għall-bijodiversità fil-COP16: inressqu s-setturi kollha flimkien għal għan komuni.

Il-KESE jappoġġja l-isforzi biex tiġi żviluppata ekosistema industrijali aktar iċċentrata fuq il-bniedem u li tibqa' valida fil-futur. Fl-istess ħin, jappella għal dibattitu fil-fond dwar l-Industrija 5.0 u l-implikazzjonijiet soċjali u ekonomiċi tagħha.

Il-KESE jappoġġja l-isforzi biex tiġi żviluppata ekosistema industrijali aktar iċċentrata fuq il-bniedem u li tibqa' valida fil-futur. Fl-istess ħin, jappella għal dibattitu fil-fond dwar l-Industrija 5.0 u l-implikazzjonijiet soċjali u ekonomiċi tagħha.

L-industrija 5.0 għandha l-għan li tpoġġi l-kwistjonijiet soċjali u ambjentali fil-qalba tal-proċessi tan-negozju, u li tavvanza lil hinn mill-enfasi tal-Industrija 4.0 fir-rigward tad-diġitalizzazzjoni u l-awtomatizzazzjoni. Dan l-aħħar, il-KESE adotta Opinjoni bit-titolu “Industrija 5.0 – kif nagħmluha realtà”, li tippromovi mudell industrijali ċċentrat fuq in-nies li jagħti valur lill-ħiliet u lill-kreattività tal-bniedem.

L-industrija 4.0 fil-biċċa l-kbira injorat l-impatt uman tal-awtomatizzazzjoni u tat attenzjoni limitata lill-prijoritajiet ambjentali bħat-tnaqqis tal-iskart, iċ-ċirkolarità, u l-enerġija ekoloġika. Il-KESE jenfasizza li l-Industrija 5.0 għandha tindirizza dawn il-lakuni, u tipprijoritizza l-valuri demokratiċi, l-ekwità soċjali, u l-kompetittività sostenibbli. Giuseppe Guerini, relatur għall-Opinjoni dwar l-Industrija 5.0, isostni li t-trasformazzjoni diġitali għandha tikkontribwixxi għal “Patt Industrijali Nadif Ġdid”, fejn il-fatturi umani u l-kreattività għandhom rwol ċentrali.

L-Industrija 5.0 terġa’ tpoġġi lin-nies fil-qalba tal-produzzjoni, u tqis l-għarfien u l-ħiliet tagħhom bħala essenzjali għall-vantaġġ kompetittiv. Hija tibbilanċja l-awtomatizzazzjoni mal-kreattività tal-bniedem, u r-robots kollaborattivi jintużaw għal kompiti ripetittivi, b’hekk il-ħaddiema jkunu jistgħu jiffukaw fuq id-disinn, l-ippjanar u s-servizz għall-klijenti. Din il-bidla tenfasizza wkoll is-saħħa, is-sikurezza u l-appoġġ tal-ħaddiema għal dawk spostati minħabba l-awtomatizzazzjoni.

Il-KESE jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jappoġġjaw ekosistema industrijali li tibqa’ valida fil-futur u ċċentrata fuq il-bniedem u li għandha l-għeruq tagħha fil-ġustizzja soċjali u l-kompetittività inklużiva. Filwaqt li jappoġġja l-Industrija 5.0, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiġu definiti aktar l-impatti ekonomiċi, soċjali u teknoloġiċi tagħha. Il-politiki Ewropej eżistenti, bħall-Patt Ekoloġiku, l-Att dwar l-IA, u l-Aġenda għall-Ħiliet, jipprovdu pedament għal din il-viżjoni iżda għandhom jiġu aġġornati biex jiġu allinjati mal-prinċipji tal-Industrija 5.0.

Sabiex l-Industrija 5.0 tirnexxi, l-imsieħba soċjali u l-ħaddiema jeħtiġilhom ikunu involuti fil-livelli kollha. Dan l-approċċ inklużiv se jrawwem ambjent tax-xogħol kollaborattiv li jgħaqqad il-punti b’saħħithom tal-bniedem u tal-magni, u b’hekk il-postijiet tax-xogħol isiru aktar innovattivi, impenjati u sostenibbli. (gb)

Fit-12 ta’ Novembru, il-KESE organizza konferenza dwar l-idroġenu b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju f’Pärnu, l-Estonja. L-għan tal-avveniment kien li jiġu diskussi u identifikati azzjonijiet strateġiċi għall-iżvilupp ta’ infrastruttura sostenibbli għall-idroġenu u d-derivattivi tiegħu, b’enfasi fuq il-finanzjament u l-użu.

Fit-12 ta’ Novembru, il-KESE organizza konferenza dwar l-idroġenu b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju f’Pärnu, l-Estonja. L-għan tal-avveniment kien li jiġu diskussi u identifikati azzjonijiet strateġiċi għall-iżvilupp ta’ infrastruttura sostenibbli għall-idroġenu u d-derivattivi tiegħu, b’enfasi fuq il-finanzjament u l-użu.

Il-konferenza dwar Mill-enerġija lil hinn mill-kosta għall-e-fjuwils: Nagħtu spinta lill-ekonomija l-ġdida tal-idroġenu laqqgħet flimkien l-Ambaxxata tan-Netherlands fl-Estonja, iċ-Ċentru tal-Iżvilupp tal-Kontea ta’ Pärnu, iċ-Ċentru tar-Riċerka Applikata Metroset, Invest Estonia u Power2X, l-iżviluppatur tal-impjant tal-e-metanol.

L-idroġenu ekoloġiku u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju huwa komponent kruċjali fit-tranżizzjoni tal-enerġija tagħna, u ċerti inizjattivi reċenti, bħall-Bank Ewropew tal-Idroġenu, enfasizzaw li hemm momentum fl-iżvilupp ta’ swieq sostenibbli tal-idroġenu. Għal dan l-għan, dawk li jfasslu l-politika tal-UE u nazzjonali jeħtieġ li jipprovdu l-mezzi meħtieġa biex dawn l-ambizzjonijiet jitqiegħdu fil-prattika u jiffaċilitaw il-kooperazzjoni fost l-Istati Membri biex jadottaw strateġiji effettivi.

Hija u titkellem dwar din il-ħtieġa urġenti, il-President tas-Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni tal-KESE Baiba Miltoviča qalet: “It-tnedija rapida tal-idroġenu rinnovabbli hija kritika – mhux biss għat-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija tagħna iżda wkoll għall-benesseri soċjali u ekonomiku tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, huwa essenzjali li nallokaw ir-riżorsi tagħna b’mod għaqli. Biex nimmassimizzaw l-impatt tagħna, jeħtieġ li nagħtu prijorità lis-setturi diffiċli sabiex jitrażżnu u nistabbilixxu standards ekoloġiċi u soċjali effettivi li jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u sikuri.” (mp)

Ottubru u Novembru kienu kkaratterizzati mill-falliment ta’ żewġ summits globali ewlenin dwar l-ambjent: il-COP16 – il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika u l-COP29 – il-konferenza tan-NU dwar il-klima, it-tnejn iffokaw fuq il-finanzi li huma meħtieġa b'mod iddisprat għall-preservazzjoni tan-natura u għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Tlabna lir-rappreżentanti tal-KESE fil-COPs ta’ din is-sena – Peter Schmidt, Diandra Ní Bhuachalla u Arnaud Schwartz – biex jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom dwar x’inhuma l-konsegwenzi jekk id-dinja tonqos milli taġixxi dwar il-klima.

Ottubru u Novembru kienu kkaratterizzati mill-falliment ta’ żewġ summits globali ewlenin dwar l-ambjent: il-COP16 – il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika u l-COP29 – il-konferenza tan-NU dwar il-klima, it-tnejn iffokaw fuq il-finanzi li huma meħtieġa b'mod iddisprat għall-preservazzjoni tan-natura u għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Tlabna lir-rappreżentanti tal-KESE fil-COPs ta’ din is-sena – Peter Schmidt, Diandra Ní Bhuachalla u Arnaud Schwartz – biex jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom dwar x’inhuma l-konsegwenzi jekk id-dinja tonqos milli taġixxi dwar il-klima.

Fi stqarrija konġunta ffirmata fl-14 ta’ Novembru, Baiba Miltoviča, President tas-Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni (TEN) tal-KESE u Andres Jaadla, relatur tal-Opinjoni dwar l-akkomodazzjoni, tal-Kumitat tar-Reġjuni (KtR), appellaw lill-istituzzjonijiet Ewropej biex jadottaw miżuri urġenti biex joħorġu lill-Unjoni Ewropea mill-kriżi attwali tal-akkomodazzjoni. Huma jilqgħu wkoll il-ħatra ta’ Kummissarju Ewropew għall-Enerġija u l-Akkomodazzjoni, li se jingħata l-kompitu li jressaq l-ewwel pjan Ewropew għal akkomodazzjoni affordabbli li qatt sar.

Fi stqarrija konġunta ffirmata fl-14 ta’ Novembru, Baiba Miltoviča, President tas-Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni (TEN) tal-KESE u Andres Jaadla, relatur tal-Opinjoni dwar l-akkomodazzjoni, tal-Kumitat tar-Reġjuni (KtR), appellaw lill-istituzzjonijiet Ewropej biex jadottaw miżuri urġenti biex joħorġu lill-Unjoni Ewropea mill-kriżi attwali tal-akkomodazzjoni. Huma jilqgħu wkoll il-ħatra ta’ Kummissarju Ewropew għall-Enerġija u l-Akkomodazzjoni, li se jingħata l-kompitu li jressaq l-ewwel pjan Ewropew għal akkomodazzjoni affordabbli li qatt sar.

Dikjarazzjoni dwar l-Akkomodazzjoni

  • Nappellaw lill-Kummissjoni Ewropea biex torganizza Summit annwali tal-UE dwar l-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli fi sħubija mal-Parlament Ewropew, il-KESE u l-KtR. Dan is-summit annwali tal-UE għandu jlaqqa’ flimkien lill-partijiet ikkonċernati kollha involuti fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet tal-Istati Membri dwar l-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli, abbażi ta’ approċċ f’diversi livelli u l-iskambju tal-aħjar prattiki f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;
  • Aħna nappoġġjaw il-pjan tal-Kummissarju nnominat inkarigat mill-akkomodazzjoni biex tiġi stabbilita pjattaforma ta’ investiment pan-Ewropea għal akkomodazzjoni affordabbli u sostenibbli biex jiġu appoġġjati b’mod urġenti s-sħubijiet nazzjonali, reġjonali u lokali biex tintemm l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni, fi sħubija mal-KESE u l-KtR;
  • Nirrimarkaw li jeħtieġ jiġu esplorati modi innovattivi biex tingħata spinta lill-investiment pubbliku u jiġu mobilizzati l-fondi eżistenti tal-UE jekk irridu nsibu soluzzjoni fit-tul għall-kriżi tal-akkomodazzjoni;
  • Nappellaw lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jappoġġaw ir-rinnovazzjoni fil-fond tal-bini residenzjali abbażi ta’ appoġġ finanzjarju diversifikat, fit-tul u innovattiv u oqfsa legali koerenti, immirati lejn popolazzjonijiet vulnerabbli kif ukoll atturi ewlenin fuq il-post, b’mod partikolari l-komunitajiet tal-enerġija u l-awtoritajiet lokali;
  • Nappellaw għal kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-atturi f’livelli differenti ta’ governanza: l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-UE, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-gvernijiet reġjonali, l-awtoritajiet lokali.

Aħna nimpenjaw ruħna li ngħinu fl-implimentazzjoni tal-miżuri stabbiliti fid-Dikjarazzjoni ta’ Liège billi nikkondividu l-fehmiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali mill-UE kollha bħala parti minn sforz konġunt mill-istituzzjonijiet kollha tal-UE bil-għan li tinstab soluzzjoni għall-kriżi tal-akkomodazzjoni u tissaħħaħ il-koeżjoni Ewropea min-naħat kollha.

Il-mistieden sorpriża tagħna huwa Andrey Gnyot, produttur tal-films u ġurnalist Belarussu li għadu kif inħeles mill-arrest domiċiljari fis-Serbja, fejn qatta’ sena f’detenzjoni għal estradizzjoni fuq allegazzjonijiet ta’ reati ekonomiċi magħmula minn pajjiżu. Permezz tal-istorja personali tiegħu, huwa jiddeskrivi d-destin tal-ġurnalisti indipendenti fil-Belarussja tal-lum, fejn anke l-iċken kritika fir-rigward ta’ dawk fil-poter tista’ twassal biex dawn jiġu mmarkati bħala “għadu tal-poplu” u jintbagħtu l-ħabs fuq akkużi ekonomiċi foloz.

Il-mistieden sorpriża

Il-mistieden sorpriża tagħna huwa Andrey Gnyot, produttur tal-films u ġurnalist Belarussu li għadu kif inħeles mill-arrest domiċiljari fis-Serbja, fejn qatta’ sena f’detenzjoni għal estradizzjoni fuq allegazzjonijiet ta’ reati ekonomiċi magħmula minn pajjiżu. Permezz tal-istorja personali tiegħu, huwa jiddeskrivi d-destin tal-ġurnalisti indipendenti fil-Belarussja tal-lum, fejn anke l-iċken kritika fir-rigward ta’ dawk fil-poter tista’ twassal biex dawn jiġu mmarkati bħala “għadu tal-poplu” u jintbagħtu l-ħabs fuq akkużi ekonomiċi foloz.

Ir-rebbieħa tal-kompetizzjoni tar-ritratti “Nikkollegaw l-UE 2004” hija Martina Cikojević, editur u ġurnalista fit-Trejdjunjin Kroata tal-Ħaddiema tal-Posta. Bir-ritratt tagħha, Il-Grand Place ta’ Brussell fid-dawl ta’ qamar, rebħet żjara ta’ jumejn fi Brussell matul il-Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE f’Marzu 2025

Ir-rebbieħa tal-kompetizzjoni tar-ritratti “Nikkollegaw l-UE 2004” hija Martina Cikojević, editur u ġurnalista fit-Trejdjunjin Kroata tal-Ħaddiema tal-Posta.

Bir-ritratt tagħha, Il-Grand Place ta’ Brussell fid-dawl ta’ qamar, rebħet żjara ta’ jumejn fi Brussell matul il-Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE f’Marzu 2025.

Is-Sinjura Cikojević ipparteċipat fis- 2024 seminar “Nikkollegaw l-UE 2004” ta’ din is-sena fis-17 u t-18 ta’ Ottubru fi Brussell. Is-seminar laqqa’ flimkien uffiċjali tal-istampa u tal-komunikazzjoni mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-UE kif ukoll ġurnalisti. Is-seminar ġie organizzat bit-titolu: “L-aħħar bażi tad-demokrazija: ngħinu lill-ġurnaliżmu jissopravivi u jikber”, u ffoka fuq l-isfidi mingħajr preċedent li l-ġurnalisti qed jaffaċċjaw f’dinja ta’ IA li qed tevolvi malajr u fejn il-pressjoni politika dejjem qed tiżdied.

Il-parteċipanti ngħaqdu wkoll mas-sessjoni ta’ networking “Xogħol bħala uffiċjal tal-istampa jew tal-komunikazzjoni fl-era ta’ Instagram, TikTok u IA – kif twassal il-messaġġ tiegħek”, li kienet tinkludi żewġ workshops. Il-kompetizzjoni tar-ritratti kienet parti mill-workshop dwar “Tagħlimiet dwar il-kontenut tal-komunikazzjoni”, immexxija mill-ispeċjalist tal-komunikazzjoni Tom Moylan.

Is-Sinjura Cikojević qalet li r-ritratt tagħha, li juri l-qamar ifiġġ mis-sħab mudlam u jdawwal il-lejl, jista’ wkoll b’mod simboliku jirrelata mas-suġġett tas-seminar. Qalet li “Ħadd ma jista’ jwaqqaf il-qamar milli jġib id-dawl fid-dlam. Ħadd m’għandu jwaqqaf lill-ġurnalisti milli jwasslu l-verità għal soċjetà aħjar, aktar sikura u aktar ġusta”.

Bħala r-rebbieħa tal-konkors tar-ritratti, is-Sinjura Cikojević se tipparteċipa fit-tieni Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE, li se ssir mis-17 sal-21 ta’ Marzu fil-bini tal-KESE fi Brussell. Is-suġġett ta’ din is-sena huwa “It-Tisħiħ tal-Koeżjoni u l-Parteċipazzjoni f’Soċjetajiet Polarizzati”.

L-Unità tal-Istampa tal-KESE tifraħ lil Martina u tirringrazzja lil kull min bagħat ir-ritratti tiegħu. (ll)

“Klimato reporteriai” (Ir-reporters dwar il-klima), l-aġenzija ġdida fjamanta tal-aħbarijiet dwar il-klima tal-Litwanja, għandha l-għan li tindirizza t-tnaqqis fir-rapportar dwar il-klima u terġa’ ġġib is-suġġett tat-tibdil fil-klima lura fuq quddiem nett tal-aġendi editorjali. F’eżempju eċċellenti tal-ġurnaliżmu taċ-ċittadini, ir-reporters dwar il-klima jikkombinaw il-komunikazzjoni u l-attiviżmu klimatiku biex jedukaw lin-nies dwar it-tibdil fil-klima u jagħtu vuċi lid-Dinja Ommna matul il-kriżi ambjentali. 

“Klimato reporteriai” (Ir-reporters dwar il-klima), l-aġenzija ġdida fjamanta tal-aħbarijiet dwar il-klima tal-Litwanja, għandha l-għan li tindirizza t-tnaqqis fir-rapportar dwar il-klima u terġa’ ġġib is-suġġett tat-tibdil fil-klima lura fuq quddiem nett tal-aġendi editorjali. F’eżempju eċċellenti tal-ġurnaliżmu taċ-ċittadini, ir-reporters dwar il-klima jikkombinaw il-komunikazzjoni u l-attiviżmu klimatiku biex jedukaw lin-nies dwar it-tibdil fil-klima u jagħtu vuċi lid-Dinja Ommna matul il-kriżi ambjentali.

Minn Rūta Trainytė

L-aġenzija tal-aħbarijiet dwar il-klima “Klimato reporteriai” bdiet din is-sena fil-Litwanja. Hija inizjattiva mmexxija minn organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u eżempju ta’ ġurnaliżmu taċ-ċittadini. L-aġenzija tal-aħbarijiet għandha l-għan li tgħin lill-ġurnalisti jirrapportaw dwar id-diversi aspetti tal-kriżi ambjentali. Għal dak l-għan, it-tim tal-aġenzija jabbozza t-testi u jgħaddihom lill-uffiċċji editorjali.

Il-ħidma tal-aġenzija titwettaq minn komunità ta’ attivisti. It-testi jinkitbu minn ġurnalisti, speċjalisti tar-relazzjonijiet pubbliċi, rappreżentanti tal-NGOs, attivisti u xjentisti – fil-qosor, persuni li jimpurtahom minn dak li qed jiġri u li jridu bidla soċjali. Dawn jiffurmaw ukoll il-Bord tal-“Klimato reporteriai”. Il-Bord jiżgura li l-inizjattiva l-ġdida tkun affidabbli.

Ir-reporters dwar il-klima mhumiex ġodda għad-dinja tal-komunikazzjoni u diġà kisbu esperjenza konsiderevoli fir-relazzjonijiet pubbliċi, fl-editjar u fil-ħolqien u ż-żamma ta’ portali web. Lanqas ma huma ġodda għall-kwistjonijiet klimatiċi. Dan huwa l-mod kif feġġet l-idea. Jagħmlu dak li jagħmlu l-aħjar u jikkombinawh mal-attiviżmu klimatiku. Jagħtu vuċi lid-Dinja Ommna matul din il-kriżi ambjentali.

Naturalment, jinsabu f’kuntatt mal-ġurnalisti. Ix-xejra dominanti fl-uffiċċji editorjali hija li wieħed jemmen li l-aħbarijiet dwar il-klima mhumiex ta’ interess għall-pubbliku u ma jiġġenerawx klikks. Jevitaw li jippubblikaw artikli bit-titli li fihom it-termini “tibdil fil-klima” jew “kriżi klimatika”. Xi tfisser iċ-ċaħda tal-kriżi klimatika? Hija mod kif is-soċjetà tiġi protetta minn aħbarijiet ħżiena u l-ansjetà?

Jista’ jkun li r-realtà ma tkunx daqshekk ħażina. Kwantità enormi ta’ aħbarijiet tidħol fl-uffiċċji editorjali ta’ kuljum, li hija fiżikament diffiċli li tiġi proċessata, anke mingħajr ma jixxandru aħbarijiet relatati mal-klima. Trid tkun familjari wkoll mas-suġġett. Hawnhekk nidħlu aħna. Il-pass li jmiss li qed jieħdu r-reporters dwar il-klima hija li jħarrġu l-ġurnalisti. Naraw ċar li l-ġurnalisti jeħtieġ li jifhmu l-kwistjoni biex jevitaw li jxerrdu l-greenwashing.

Idea oħra hija li ċerti gruppi jiġu mgħallma dwar it-tibdil fil-klima b’mod attraenti. Fuq kollox, irridu nilħqu liż-żgħażagħ, u rrealizzajna li huma jirreaġixxu tajjeb għall-umoriżmu. Għadna m’aħniex ċerti kif se naħdmu fil-futur, iżda din hija d-direzzjoni li rridu nieħdu.

L-aġenzija tal-aħbarijiet diġà ilha topera għal sitt xhur. Mill-esperjenza tagħna stess nafu li rridu nkunu paċenzjużi. Persistentement u intenzjonalment inħabbtu l-bibien tal-uffiċċji editorjali bl-aħbarijiet tagħna. It-testi tagħna diġà qed jiġu ppubblikati fuq portali ewlenin tal-aħbarijiet Litwani, u aħna niġu mistiedna fuq il-programmi tar-radju.

Sabiex niżguraw li l-ħidma editorjali tagħna tkun ta’ kwalità għolja, huwa importanti ħafna li nirċievu appoġġ konsiderevoli mill-organizzazzjonijiet ambjentali Litwani, li l-organizzazzjonijiet tagħna jkunu membri ta’ networks internazzjonali ta’ NGOs, li l-membri tagħna jipparteċipaw fi gruppi ta’ ħidma fil-livell tal-UE u li jirrappreżentaw lil-Litwanja fil-KESE. Dan jippermettilna nwessgħu l-firxa tagħna ta’ suġġetti u nibqgħu aġġornati mal-ġrajjiet kurrenti.

Ir-rabta tagħna mal-KESE tmur lil hinn mill-fatt li wieħed mill-inizjaturi tal-proġett, Kęstutis Kupšys, huwa membru tal-Kumitat. Il-membri tal-KESE jistgħu jaqsmu l-esperjenzi rilevanti mid-diversi pajjiżi tagħhom biex jarrikkixxu l-aħbarijiet dwar il-klima ppubblikati minn “Klimato reporteriai”. F’dan ir-rigward, dan l-aħħar tkellimna ma’ Arnaud Schwartz, membru tal-KESE minn Franza, fl-okkażjoni tas-Summit Dinji dwar il-Bijodiversità tal-COP16. L-għarfien li qasam magħna direttament minn Cali wassal għal artiklu minn “Klimato reporteriai”. Il-ħsibijiet tiegħu nstemgħu wkoll fil-media Litwana. Dan il-mudell, li permezz tiegħu l-għarfien espert tal-membri tal-KESE jintuża biex l-aħbarijiet globali jiġu kkomunikati b’mod effettiv lill-udjenzi lokali, wera l-valur tiegħu. Għalhekk se nerġgħu nużawha fil-futur.

Rūta Trainytė hija l-editur fl-aġenzija tal-aħbarijiet dwar il-klima “Klimato reporteriai”. L-aġenzija hija parti mill-proġett ŽALINK, iffinanzjat mill-Istat. Il-proġett, li huwa mmexxi mill-Alleanza tal-Konsumatur, il-Pjattaforma tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u l-NGO “Ekonomija Ċirkolari”, huwa ffinanzjat mill-Programm dwar it-Tibdil fil-Klima tal-Aġenzija għall-Ġestjoni tal-Proġetti Ambjentali tal-Ministeru tal-Ambjent tar-Repubblika tal-Litwanja.

 

F’Ottubru, il-KESE adotta Opinjoni li tipproponi riflessjoni mill-ġdid u fundamentali dwar kif jaħdmu l-finanzi tal-UE. Huwa appella għal aktar trasparenza u parteċipazzjoni taċ-ċittadini madwar l-UE, biex b’hekk jissaħħu d-demokrazija u l-fiduċja pubblika. 

F’Ottubru, il-KESE adotta Opinjoni li tipproponi riflessjoni mill-ġdid u fundamentali dwar kif jaħdmu l-finanzi tal-UE. Huwa appella għal aktar trasparenza u parteċipazzjoni taċ-ċittadini madwar l-UE, biex b’hekk jissaħħu d-demokrazija u l-fiduċja pubblika. 

Biex dan l-għan jinkiseb, il-KESE rrakkomanda li jiġi żviluppat qafas komuni għal trasparenza fiskali, li jinvolvi liċ-ċittadini fil-proċessi tal-ibbaġitjar, u li jinħolqu għodod diġitali għal informazzjoni aktar ċara dwar il-baġit.

“Immaġina biss li tkun tista’ ssegwi kull euro ta’ finanzjament tal-UE – minn Brussell permezz tal-gvernijiet nazzjonali sal-komunità lokali tiegħek”, qalet ir-relatur tal-Opinjoni, Elena Calistru.

Fil-fehma tal-KESE, qafas komuni għal trasparenza fiskali se jistabbilixxi standards ċari u konsistenti għall-programmi kollha ffinanzjati mill-UE u jiżgura rappurtar uniformi u aċċess faċli għad-data finanzjarja fl-Istati Membri kollha. L-enfasi tkun fuq il-promozzjoni tal-aħjar prattiki aktar milli l-introduzzjoni ta’ regolamenti ġodda.

L-ibbaġitjar parteċipattiv jippermetti liċ-ċittadini jkollhom sehem dirett fid-deċiżjonijiet dwar l-infiq pubbliku, b’mod partikolari fil-livell lokali, filwaqt li jinkorpora elementi parteċipattivi fil-proċessi tal-ibbaġitjar fil-livell tal-UE.

Il-KESE appella għal pjattaforma diġitali unifikata faċli għall-utent li toffri data baġitarja f’ħin reali, viżwalizzazzjonijiet ċari, u għarfien dwar kif il-fondi tal-UE qed jagħtu r-riżultati. Dan iżid il-fehim pubbliku u l-involviment tal-informazzjoni finanzjarja.

Il-KESE enfasizza wkoll l-importanza li titqajjem kuxjenza pubblika, tiġi żgurata sorveljanza aktar b’saħħitha, u li l-prattiki finanzjarji jiġu allinjati mal-għanijiet tal-UE bħall-koeżjoni u s-sostenibbiltà biex jitrawmu l-kooperazzjoni u r-responsabbiltà.

“Il-finanzi tal-UE mhumiex biss dwar iċ-ċifri. Huma dwar il-fiduċja u d-demokrazija u biex l-Ewropa taħdem għaċ-ċittadini tagħha", ikkonkludiet is-Sinjura Calistru. (tk)