European Economic
and Social Committee
L-UE għandha bżonn tenfasizza b’mod urġenti l-idroġenu ekoloġiku għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport
Fit-12 ta’ Novembru, il-KESE organizza konferenza dwar l-idroġenu b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju f’Pärnu, l-Estonja. L-għan tal-avveniment kien li jiġu diskussi u identifikati azzjonijiet strateġiċi għall-iżvilupp ta’ infrastruttura sostenibbli għall-idroġenu u d-derivattivi tiegħu, b’enfasi fuq il-finanzjament u l-użu.
Il-konferenza dwar Mill-enerġija lil hinn mill-kosta għall-e-fjuwils: Nagħtu spinta lill-ekonomija l-ġdida tal-idroġenu laqqgħet flimkien l-Ambaxxata tan-Netherlands fl-Estonja, iċ-Ċentru tal-Iżvilupp tal-Kontea ta’ Pärnu, iċ-Ċentru tar-Riċerka Applikata Metroset, Invest Estonia u Power2X, l-iżviluppatur tal-impjant tal-e-metanol.
L-idroġenu ekoloġiku u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju huwa komponent kruċjali fit-tranżizzjoni tal-enerġija tagħna, u ċerti inizjattivi reċenti, bħall-Bank Ewropew tal-Idroġenu, enfasizzaw li hemm momentum fl-iżvilupp ta’ swieq sostenibbli tal-idroġenu. Għal dan l-għan, dawk li jfasslu l-politika tal-UE u nazzjonali jeħtieġ li jipprovdu l-mezzi meħtieġa biex dawn l-ambizzjonijiet jitqiegħdu fil-prattika u jiffaċilitaw il-kooperazzjoni fost l-Istati Membri biex jadottaw strateġiji effettivi.
Hija u titkellem dwar din il-ħtieġa urġenti, il-President tas-Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni tal-KESE Baiba Miltoviča qalet: “It-tnedija rapida tal-idroġenu rinnovabbli hija kritika – mhux biss għat-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija tagħna iżda wkoll għall-benesseri soċjali u ekonomiku tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, huwa essenzjali li nallokaw ir-riżorsi tagħna b’mod għaqli. Biex nimmassimizzaw l-impatt tagħna, jeħtieġ li nagħtu prijorità lis-setturi diffiċli sabiex jitrażżnu u nistabbilixxu standards ekoloġiċi u soċjali effettivi li jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u sikuri.” (mp)