Il-mistieden sorpriża

Kull xahar, fil-kolonna tagħna “Il-mistieden sorpriża”, se nkunu qed nintroduċu persuna pubblika li ħidmitha u l-impenn tagħha huma ta’ ispirazzjoni għal oħrajn.

F’Jannar, il-mistiedna sorpriża tagħna huma Maria Demertzis, Deputat Direttur tal-grupp ta’ riflessjoni Ewropew Breugel, li jispeċjalizza fl-ekonomija, stabbilit fi Brussell fl-2005, u Jean-Dominique Giuliani, President tal-Fondazzjoni Robert Schuman f’Pariġi. Il-Fondazzjoni, li nħolqot fl-1991 wara l-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin, taħdem għall-integrazzjoni Ewropea. Huma jiddeskrivulna l-kwistjonijiet u l-isfidi tal-Presidenza Franċiża tal-Kunsill tal-UE f’mument kruċjali fl-iżvilupp tal-Ewropa.

Maria Demertzis hija Deputat Direttur ta’ Breugel. Qabel kienet taħdem mal-Kummissjoni Ewropea u mad-Dipartiment tar-Riċerka tal-Bank Ċentrali tan-Netherlands. Hija kellha wkoll karigi akkademiċi f’Harvard Kennedy School of Government fl-Istati Uniti u fl-Università ta’ Strathclyde fir-Renju Unit, fejn kisbet dottorat fl-ekonomija. Ippubblikat għadd sostanzjali ta’ artikli f’revisti universitarji internazzjonali u kkontribwixxiet regolarment fit-tfassil tal-politiki tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Bank Ċentrali tan-Netherlands.

Jean-Dominique Giuliani ilu l-President tal-Fondazzjoni Robert Schuman f’Pariġi mill-2000. Eks konsulent speċjali għall-Kummissjoni Ewropea, kien ukoll maître des requêtes (konsulent assoċjat) tal-Kunsill tal-Istat Franċiż, Direttur tal-Kabinett tal-President tas-Senat René Monory (1992-1998), Direttur fid-Direttorat Ġenerali tal-Grupp Taylor Nelson Sofres (1998-2001) u President tal-Institut libre d’étude des relations internationales (ILERI) (2019-2021). Fundatur ta’ J-DG.com – Konsulenti Internazzjonali, huwa wkoll membru tal-bord superviżorju tan-network televiżiv ARTE France. Huwa l-awtur ta’ għadd kbir ta’ kotba dwar l-Unjoni Ewropea, inkluż “La grande bascule – Le XXIe siècle européen”, u koderieġa l-Atlas Permanenti tal-Unjoni Ewropea (2021). Bħala editorjalista u kontributur regolari għal diversi mezzi tal-midja, l-għarfien espert tiegħu jwassalu biex jitkellem ta’ spiss fi Franza u barra mill-pajjiż dwar il-kwistjonijiet Ewropej, li tagħhom huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa speċjalisti. (ehp)