Arnaud Schwartz: Kriżijiet tas-saħħa, ekoloġiċi, soċjali, ekonomiċi: ejjew nikkooperaw għal dinja abitabbli

Lil hinn min-nazzjonaliżmu introspettiv u t-tentazzjoni awtoritarja, il-kooperazzjoni hija vitali fil-livell Ewropew. Huwa essenzjali li l-pajjiżi jaħdmu flimkien biex jiġġieldu l-virus ida wkoll biex jindirizzaw il-kawżi u l-konsegwenzi tiegħu, speċjalment peress li l-pandemiji tal-futur, bħat-tniġġis, it-tibdil fil-klima jew il-kriżi tal-bijodiversità, ma għandhomx fruntieri. L-Ewropa għandha lievi b’saħħithom biex tqiegħed l-interess ġenerali fil-qalba tal-iżvilupp tal-kontinent. Billi ntejbu l-Patt Ekoloġiku, il-Politika Agrikola Komuni u l-Qafas Finanzjarju Pluriennali nistgħu nwettqu bidla ewlenija fir-rigward tal-proġetti u l-finanzjamenti Ewropej u nazzjonali sabiex l-Ewropa, mexxejja dinjija, tieħu t-triq lejn dinja abitabbli.

It-triq biex nipprijoritizzaw il-kooperazzjoni minflok il-kompetizzjoni, u biexi naqsmu mil-livell individwali lejn dak internazzjonali mhijiex waħda bla xkiel. Li niddefendu l-interessi personali tagħna huwa komdu ħafna. Fid-dawl ta’ din it-tentazzjoni, irridu niftakru li din il-viżjoni fil-perjodu qasir twassalna għall-falliment: nerġgħu nsibuha ma’ wiċċna b’effett boomerang. Il-kriżijiet huma storiċi, l-isfida tidher immensa u mhux se jirnexxilna jekk naġixxu waħedna.

It-talba tiegħi hija ċara: biex noħorġu minn din il-kriżi, irridu nwarrbu l-egoiżmu u nikkooperaw għas-servizz tal-interess ġenerali. Ħu ħsieb tiegħek innifsek, tal-għeżież tiegħek, tal-persuni fil-bżonn, l-ambjent li qed ngħixu fih u ejjew nipprovaw nużaw l-enerġija tagħna biex noħorġu b’suċċess minn dawn il-kriżijiet bla preċedent.