European Economic
and Social Committee
Breadcrumb
- Home
- Current: Pierre Jean Coulon: “Insiru atturi fl-ambjent tal-enerġija tagħna”
Pierre Jean Coulon: “Insiru atturi fl-ambjent tal-enerġija tagħna”
Pierre Jean Coulon: “Insiru atturi fl-ambjent tal-enerġija tagħna”
L-awtokonsum, kemm jekk fuq bażi individwali kif ukoll kollettiva, illum il-ġurnata jipprovdi waħda mill-ftit risposti, sakemm mhux l-unika waħda, għall-kotra ta’ mistoqsijiet li jsiru fil-qasam tal-enerġija: l-ekoloġizzazzjoni tal-produzzjoni permezz ta’ sorsi rinnovabbli tal-enerġija bħar-riħ, l-enerġija solari u saħansitra dik mill-ilma; il-pjaga tal-faqar enerġetiku, li taffettwa aktar minn 80 miljun ċittadin Ewropew. Kemm l-IPCC kif ukoll l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija jippromovu regolarment l-użu massiv tat-teknoloġiji dekarbonizzati disponibbli kollha, b’mod partikolari l-enerġija rinnovabbli. Dawn għandhom aspett intrinsikament lokali. Huma konnessi mal-post ġeografiku fejn jinsabu u jistgħu jiġu installati qrib il-postijiet ta’ konsum. B’hekk, l-iżvilupp tagħhom iwassal għat-tiġdid tal-awtokonsum tal-enerġija, jiġifieri l-konsum dirett ta’ enerġija prodotta lokalment.
Fil-fatt, dawn l-aħħar snin, il-leġiżlazzjoni Ewropea, iżda fuq kollox dik nazzjonali, b’mod partikolari f’ċerti pajjiżi, appoġġat dan l-iżvilupp tal-awtokonsum, kemm fuq bażi individwali b’mod partikolari permezz ta’ pannelli fotovoltajċi installati fuq il-bjut tal-bini, kif ukoll fuq bażi kollettiva, bħall-parks fotovoltajċi jew eoliċi installati minn komunitajiet tal-enerġija, awtoritajiet lokali u reġjonali, kooperattivi, eċċ.
Barra minn hekk, fl-Opinjoni tiegħu, il-KESE jitlob li kull ċittadin ġenwinament jitqiegħed fil-qalba ta’ dawn il-proġetti u li kemm is-setgħat pubbliċi kif ukoll l-awtoritajiet lokali u reġjonali jippromovu lil dawk li jwettqu tali proġetti.
L-akkomunament u l-aġġustament tal-prezzijiet bħala azzjonijiet ta’ solidarjetà jippermettu li jingħataw risposti konkreti għall-faqar enerġetiku kkawżat fil-biċċa l-kbira minn prezzijiet għoljin għal bosta unitajiet domestiċi. F’dan l-ispirtu, l-inizjattivi mingħajr skop ta’ qligħ għandhom jitħeġġu.
Sabiex tiġi promossa ġestjoni kemm jista’ jkun effettiva ta’ dawn il-prattiki, jeħtieġ li jiġu installati arloġġi intelliġenti fl-Unjoni Ewropea kollha. Din il-ġeneralizzazzjoni għandha ssir mingħajr pressjoni jew impożizzjoni, u b’mod istruwit biex b’hekk il-konsumaturi jkunu jistgħu jiġġestixxu b’mod ġenwin l-użu ottimu tad-data tagħhom.
B’hekk iċ-ċittadini ġenwinament isiru atturi fl-ambjent tal-enerġija tagħhom.