Il-KESE jadotta Opinjoni dwar il-Pakkett leġiżlattiv kontra l-ħasil tal-flus

Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-pakkett leġiżlattiv il-ġdid tagħha tal-2021 kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu (AML/CFT) lill-koleġiżlaturi u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Fl-Opinjoni tiegħu, adottata matul is-sessjoni plenarja ta’ Diċembru, il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-proposti, iżda jenfasizza wkoll l-urġenza li jiġu implimentati dawn il-miżuri u jissuġġerixxi żidiet ewlenin.

Il-ħolqien tal-Awtorità ġdida għall-Ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus (AMLA) huwa appoġġjat b’mod partikolari mill-KESE, iżda jqis li din għandha tkun operattiva sal-2026. Il-KESE jtenni wkoll il-proposta tiegħu għal Patt Ewropew għall-ġlieda kontra mġiba li tagħmel ħsara lill-prinċipji etiċi u politiċi tad-demokraziji tagħna u timmina l-beni pubbliċi, u jissuġġerixxi l-ħolqien ta’ korp konsultattiv ġdid tas-soċjetà ċivili fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Ir-Regolament dwar il-kriptoassi jeħtieġ ukoll li jiġi implimentat b’urġenza. It-traspożizzjoni mdewma u mhux kompluta tad-gDirettivi dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus preċedenti minn xi wħud mill-UE-27 mhijiex aċċettabbli. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tinsisti għal azzjoni urġenti. Għandhom jiġu stabbiliti wkoll miżuri speċifiċi għall-monitoraġġ tal-kumpaniji fittizji. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra kif testendi l-miżuri għall-kanali tal-ħasil tal-flus barra mis-sistema finanzjarja. Fl-aħħar nett, il-KESE jqis li jeħtieġ li titfassal lista ġdida, realistika u komprensiva ta’ pajjiżi terzi b’riskju kbir.

Ir-relatur Javier Doz Orrit qal: Huwa urġenti li s-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet Ewropej u l-gvernijijet nazzjonali jieħdu azzjoni flimkien. L-istimi tal-volum tal-ħasil tal-flus fl-UE jammontaw għal bejn 1 % u 1,3 % tal-PDG tal-UE27, fi kliem ieħor bejn EUR 140 u 208 biljun. Irridu nwaqqfu din l-immoralità intollerabbli, iktar u iktar fi żminijiet ta’ pandemija. Il-KESE jaqbel mal-pakkett leġiżlattiv kontra l-ħasil tal-flus u jipproponi aktar azzjonijiet.

It-tama tiegħi hija li l-leġiżlazzjoni proposta dalwaqt tiġi implimentata kollha kemm hi mill-Istati Membri kollha. Huwa estremament importanti, pereżempju, li jkunu magħrufa s-sidien finali ta’ kumpaniji jew NGOs li x’aktarx jintużaw f’operazzjonijiet ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu. Dan għandu japplika wkoll għal entitajiet mhux tal-UE li jixtiequ jagħmlu negozju ma’ entitajiet Ewropej, żied il-korelatur Benjamin Rizzo.

L-AMLA bħala l-qalba ta’ sistema integrata ta’ sorveljanza u ta’ intelligence tal-UE

Il-pakkett leġiżlattiv tal-Kummissjoni għandu l-għan li jindirizza l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu b’mod u fuq skala mingħajr preċedent. Rapporti tal-Kummissjoni u tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, studji akkademiċi u issa l-Pandora Papers u pubblikazzjonijiet oħra simili jenfasizzaw is-severità tal-fenomenu tal-ħasil tal-flus fl-UE. Fil-qalba ta’ dan il-pakkett il-ġdid hemm il-ħolqien tal-Awtorità għall-Ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus (AMLA). L-AMLA ser ikollha setgħat superviżorji diretti u setgħat akbar ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali, li magħhom ser tiżgura li r-regoli tal-UE jiġu applikati b’mod korrett u konsistenti mis-settur privat. L-AMLA suppost tibda l-attivitajiet tagħha fl-2024, u s-superviżjoni diretta fl-2026.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-ħolqien u t-tfassil tal-AMLA. Idealment, din l-awtorità l-ġdida għandha tkun kompletament operattiva, inkluża s-superviżjoni, sal-2026. Sakemm dan ma jkunx il-każ, tinħtieġ aktar kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u istituzzjonijiet oħra. L-effettività fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u reati relatati tirrikjedi wkoll bidla kulturali, u l-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata. Huwa għalhekk li l-KESE jtenni l-proposta tiegħu għal Patt Ewropew, u jissuġġerixxi l-ħolqien ta’ korp konsultattiv tas-soċjetà ċivili fi ħdan l-AMLA, biex jgħin biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja tal-pubbliku u jinforma liċ-ċittadini Ewropej dwar l-impatt negattiv ħafna tal-ħasil tal-flus. Koordinazzjoni effettiva tal-AMLA mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (li għandha tiġi stabbilita mingħajr dewmien) u l-Europol (li għandu jingħata aktar setgħat u riżorsi) tista’ tkun il-fattur ewlieni għas-suċċess prattiku tal-pakkett leġiżlattiv.

Id-distribuzzjoni tal-kontenut tal-pakkett u regolamentazzjoni ġdida dwar il-kriptografija

Il-pakkett leġiżlattiv huwa mqassam bejn l-ewwel Regolament dwar l-AML-CFT, li jkopri s-superviżjoni tas-settur privat, u s-Sitt Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, li tiffoka fuq is-sistema istituzzjonali u l-adattament tagħha f’kull Stat Membru. Fost miżuri oħrajn, l-ewwel Regolament dwar l-AML-CFT jestendi l-lista ta’ entitajiet marbutin b’obbligu biex tinkludi fornituri ta’ servizzi ta’ kriptoassi, pjattaformi ta’ finanzjament kollettiv u operaturi tal-migrazzjoni. Is-Sitt Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus tikkjarifika l-kompetenzi, il-kompiti u l-aċċess għall-informazzjoni tal-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (UIF) u tas-superviżuri nazzjonali. Ittejjeb ukoll il-mekkaniżmi għall-kooperazzjoni bejniethom u ma’ awtoritajiet oħra. Id-dispożizzjonijiet kemm tar-Regolament kif ukoll tad-Direttiva għandhom l-għan li jarmonizzaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali u jawtomatizzaw ir-reġistrazzjoni u t-trażmissjoni tal-informazzjoni. Fl-istess pakkett, il-Kummissjoni tipproponi wkoll riforma tar-Regolament dwar it-Trasferiment ta’ Fondi tal-2015 biex ikopri l-kriptoassi, it-traċċabbiltà u l-identifikazzjoni tagħhom, u l-fornituri tas-servizzi tagħhom.

Il-KESE jqis li din id-distribuzzjoni tal-kontenut hija adegwata, u japprova wkoll id-dispożizzjonijiet kemm tar-Regolament kif ukoll tad-Direttiva li jfittxu li jarmonizzaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali u jawtomatizzaw ir-reġistrazzjoni u t-trażmissjoni tal-informazzjoni. Ir-Regolament dwar il-kriptoassi u s-suq tal-kriptoassi huwa pass ’il quddiem, iżda jeħtieġ li jiġi implimentat b’urġenza, u ma jissostitwixxix l-istrumenti kollha meħtieġa biex l-utenti jiġu protetti mir-riskji finanzjarji u kriminali ta’ dawn il-prodotti finanzjarji.

L-urġenza tat-traspożizzjoni mill-UE27

Hemm urġenza ġenerali għas-soċjetà ċivili u l-gvernijiet nazzjonali biex jappoġġjaw l-adozzjoni u l-implimentazzjoni adatta tal-pakkett leġiżlattiv. L-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jiffaċilitaw is-sħubijiet pubbliċi-privati f’dan il-qasam. Id-Direttiva 2018/1673, li tistabbilixxi definizzjoni komuni tar-reat tal-ħasil tal-flus, u d-Direttiva 2019/1937 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jesponu l-korruzzjoni ekonomika u politika, għad iridu jiġu trasposti fl-Istati Membri kollha. Il-KESE jqis li dan id-dewmien mhuwiex aċċettabbli u jistieden lill-Kummissjoni biex tinsisti għal azzjoni urġenti. Il-Kummissjoni għandha tipproduċi wkoll Direttiva ġdida dwar definizzjoni komuni ta’ reati relatati, u tiddetermina firxa speċifika tal-pieni korrispondenti li japplikaw għal dawn ir-reati.

Kumpaniji fittizji, ħasil tal-flus barra mis-sistema finanzjarja, u pajjiżi terzi b’riskju kbir

Il-KESE huwa mħasseb ħafna dwar l-eżistenza ta’ numru kbir ta’ kumpaniji fittizji  fl-UE li għandhom rwol ewlieni fil-ħasil tal-flus u fl-evitar tat-taxxa. Għandhom jiġu stabbiliti miżuri speċifiċi għall-monitoraġġ ta’ dawn il-kumpaniji u d-ditti li jamministrawhom. L-ebda kumpanija li x’aktarx tintuża f’operazzjonijiet ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu ma għandha titħalla tiġi reġistrata fi kwalunkwe Stat Membru jekk is-sidien aħħarin ma jkunux magħrufa, jew ikunu relatati ma’ tali attivitajiet.

Barra minn hekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra kif tapplika l-pakkett leġiżlattiv għall-kanali tal-ħasil tal-flus barra mis-sistema finanzjarja. Hija meħtieġa leġiżlazzjoni ġdida tal-UE rigward is-suq f’xogħlijiet tal-arti u assi ta’ valur għoli, portijiet ħielsa, imħażen doganali u żoni ekonomiċi speċjali, ċerti tranżazzjonijiet kummerċjali jew ta’ kummerċ, investiment fi proprjetà immobbli, logħob tal-azzard, eċċ.

Fl-aħħar nett, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iqis li huwa neċessarju li titfassal lista ġdida, realistika u komprensiva ta’ pajjiżi terzi b’riskju kbir. Il-Kummissjoni għandha tadotta wkoll regola li l-kumpaniji u l-individwi involuti fil-kriminalità finanzjarja jew fil-ħasil tal-flus għandhom jiġu esklużi mill-proċeduri tal-akkwist pubbliku.

Downloads