European Economic
and Social Committee
Il-Kumitati Konsultattivi Konġunti UE-Serbja u UE-Montenegro se jimmonitorjaw in-negozjati tal-adeżjoni u jiddiskutu l-pjan il-ġdid ta’ tkabbir
Is-Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni (REX) tal-KESE organizzat żewġ laqgħat mal-kontropartijiet Serbi u Montenegrini tagħha fil-qafas tal-Kumitati Konsultattivi Konġunti rispettivi. Din l-istituzzjoni konġunta tippermetti lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili miż-żewġ naħat jimmonitorjaw in-negozjati ta’ adeżjoni tal-pajjiż, jiddiskutu kwistjonijiet ta’ interess komuni, u jindikaw it-tħassib li għandu jiġi indirizzat fit-triq lejn is-sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Fil-5 ta’ April 2024, il-KESE laqa’ lill-membri Serbi tal-Kumitat Konsultattiv Konġunt fi Brussell biex jiddiskutu s-sitwazzjoni attwali fir-relazzjonijiet bejn l-UE u s-Serbja u n-negozjati dwar il-proċess ta’ adeżjoni mal-UE. Kwistjonijiet oħra fuq il-mejda kienu jinkludu l-opportunitajiet għas-Serbja ppreżentati mill-Pjan ta’ Tkabbir il-ġdid u l-Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir għall-Balkani tal-Punent, is-sitwazzjoni ta’ wara l-elezzjoni fil-pajjiż u ħarsa ġenerali lejn l-istat tad-demokrazija u l-istat tad-dritt tiegħu.
L-avveniment ra l-parteċipazzjoni tal-Kap tal-Missjoni tar-Repubblika tas-Serbja għall-UE li għadu kif inħatar, Danijel Apostolović, li ssottolinja l-pożizzjoni komuni bejn l-UE u s-Serbja għal kooperazzjoni aktar mill-qrib rigward il-kwistjonijiet rilevanti kollha għat-taħditiet tan-negozjati tal-adeżjoni tas-Serbja.
Il-Viċi President tal-KESE għall-Komunikazzjoni, Laurentiu Plosceanu, enfasizza l-importanza ta’ dawn il-laqgħat peress li jiggarantixxu l-preżenza tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, sabiex tissaħħaħ in-narrattiva tal-adeżjoni Ewropea fis-Serbja.
Il-laqgħa ntemmet bl-adozzjoni ta’ dikjarazzjoni konġunta, li ser tintbagħat lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-awtoritajiet lokali u lill-gvern fis-Serbja.
Tista’ tara l-filmat tar-rapport dwar il-konferenza hawnhekk.
Fit-13 ta’ Mejju, membru tal-Kumitat Konsultattiv Konġunt UE-Serbja Nataša Vučković ġiet eletta l-president il-ġdid tal-Assoċjazzjoni Ewropea għad-Demokrazija Lokali (ALDA). Il-KESE kien rappreżentat fl-Assemblea Ġenerali tal-ALDA f’Barċellona mis-Sur Plosceanu, li feraħ lis-Sinjura Vučković għall-ħatra tagħha.
******
It-18-il laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv Konġunt UE-Montenegro saret f’Podgorica fis-16 ta’ April u bagħtet messaġġ ċar lill-istituzzjonijiet tal-UE li l-Montenegro huwa impenjat bis-sħiħ li jsir t-28 Stat Membru tal-UE sal-2028.
Il-membri tal-Kumitat Konsultattiv Konġunt ħeġġew lill-organizzazzjonijiet tagħhom, lill-awtoritajiet nazzjonali u lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jagħmlu kull sforz biex jilħqu l-parametri referenzjarji interim tal-istat tad-dritt. Il-kisba tar-Rapport Interim ta’ Valutazzjoni tal-Parametri Referenzjarji (IBAR) għall-istat tad-dritt sa Ġunju se tkun punt ta’ bidla fil-proċess ta’ adeżjoni mal-UE, li jippermetti l-għeluq proviżorju ta’ kapitoli oħra.
Il-kopresident u membru tal-KESE Decebal-Ștefăniță Padure qalet: “L-awtoritajiet Montenegrin għandhom iwettqu l-miri ambizzjużi tagħhom, u s-soċjetà ċivili organizzata għandha tkun involuta f’kull pass tan-negozjati ta’ adeżjoni”. Il-kopresident min-naħa tal-Montenegro, Gordana Đurović, appellat lill-partijiet interessati kollha biex jappoġġjaw l-isforzi biex jinkiseb rapport pożittiv mill-Kummissjoni sa Ġunju.
Il-kap negozjatur, Dr Predrag Zenović, indika r-rwol importanti u l-għajnuna konkreta tas-soċjetà ċivili fil-proċess tan-negozjati, b’appoġġ pubbliku għas-sħubija tal-Montenegro fl-UE li laħaq 80 %.
L-Ambaxxatur tal-UE fil-Montenegro, Oana Cristina Popa, innotat li l-Montenegro jidher li fl-aħħar sab l-istabbiltà neċessarja biex jiffoka fuq l-adeżjoni fl-UE bħala l-prijorità strateġika ewlenija tiegħu, u żiedet tghħid: “Aħna lkoll ser nistinkaw biex niżguraw li din l-opportunità ma tintilifx.”
Fi tmiem il-laqgħa, ġiet adottata Dikjarazzjoni Konġunta, li se tiġi ppreżentata lill-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, lill-Kumitat Parlamentari għall-Istabbilizzazzjoni u l-Assoċjazzjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Gvern tal-Montenegro. (at)