Il-politika ta’ koeżjoni ilha pilastru tal-integrazzjoni Ewropea, u tippromovi l-unità ekonomika, soċjali u ġeografika madwar l-UE. Hekk kif qed jissawwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) ta’ wara l-2027, huwa essenzjali li tiġi modernizzata l-politika ta’ koeżjoni biex jiżdiedu l-effiċjenza, is-sostenibbiltà u r-rispons għal sfidi ġodda.

Fl-Opinjoni tiegħu adottata reċentement dwar It-tisħiħ tal-orjentazzjoni lejn ir-riżultati tal-politika ta’ koeżjoni wara l-2027, il-KESE enfasizza l-ħtieġa li jittieħed approċċ orjentat lejn ir-riżultati biex jiġi żgurat li l-politika ta’ koeżjoni tkompli tipprovdi benefiċċji tanġibbli waqt li tnaqqas l-inugwaljanzi u tippromovi l-kompetittività sostenibbli.

“Il-politika ta’ koeżjoni għandha tibqa’ l-istrument ewlieni tal-UE għall-iżvilupp reġjonali. Approċċ orjentat lejn ir-riżultati jiżgura li kull euro li jintefaq jikkontribwixxi għall-benesseri ekonomiku u soċjali,” qal ir-relatur għall-Opinjoni, David Sventek.

Il-QFP 2028+ se jeħtieġ bidla radikali biex jappoġġja l-iżvilupp reġjonali, it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, u l-kompetittività ekonomika. Bi ħtiġijiet ta’ investiment li jaqbżu EUR 750-800 biljun fis-sena, huwa essenzjali li jkun hemm finanzjament b’saħħtu mill-UE.

Il-KESE jitlob li l-kapaċità fiskali tinżamm għal 1.8% tal-PDG tal-UE u li jiżdied il-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni. Il-prijoritajiet ewlenin jinkludu governanza kondiviża, politiki reġjonali mfassla apposta, finanzjament ibbażat fuq ir-riżultati, u proċessi simplifikati.

Approċċ immexxi mir-riżultati jsaħħaħ l-effiċjenza iżda jeħtieġ implimentazzjoni u sorveljanza aħjar. L-ibbilanċjar tal-kompetittività mal-investiment soċjali, it-tisħiħ tal-appoġġ tekniku, u l-iżgurar tat-trasparenza se jfissru li l-politika ta’ koeżjoni tħalli impatt ikbar, kif ukoll irawmu r-reżiljenza ekonomika u jnaqqsu d-disparitajiet madwar l-Ewropa. (tk)