European Economic
and Social Committee
L-Assoċjazzjoni Slovakka tad-Dibattiti tirbaħ il-15-il premju tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili għall-ġlieda kontra l-polarizzazzjoni dannuża
Il-Premju ewlieni tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili jenfasizza l-kontribut eċċellenti tas-soċjetà ċivili għaż-żamma u t-tisħiħ tal-identità u ċ-ċittadinanza Ewropea. Kull sena, il-premju jkun dedikat għal tema differenti u ta’ importanza urġenti għas-soċjetà b’rabta mal-ħidma tal-KESE.
Fl-20 ta’ Marzu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ippremja tliet organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mis-Slovakkja, il-Belġju u Franza, għall-proġetti rivoluzzjonarji tagħhom li jindirizzaw il-livelli dejjem jiżdiedu ta’ polarizzazzjoni dannuża fl-Unjoni Ewropea kollha.
Il-premju ta’ EUR 32 000 inqasam bejn it-tliet rebbieħa.
Il-KESE ta l-ogħla premju ta’ EUR 14 000 lill-Assoċjazzjoni Slovakka tad-Dibattiti għal The Critical Thinking Olympiad, inizjattiva pijuniera li tibni r-reżiljenza għall-miżinformazzjoni fost iż-żgħażagħ Slovakki. Il-proġett jorganizza kompetizzjoni għal studenti fi tliet gruppi ta’ etajiet, li fiha l-istudenti jesperjenzaw sfidi tal-media fid-dinja reali u jivvalutaw il-kontenut għall-affidabbiltà tiegħu.
Iż-żewġ assoċjazzjonijiet l-oħra rċevew EUR 9 000 kull waħda.
L-assoċjazzjoni Reporters d’Espoirs ta’ Franza ġiet it-tieni bil-Prix Européen Jeunes Reporters d’Espoirs tagħha, skema ta’ taħriġ bil-lingwa Franċiża għall-ġurnaliżmu ta’ soluzzjonijiet.
It-tielet premju ngħata lill-FEC Diversité asbl tal-Belġju għall-proġett “ESCAPE GAME EXTREME DROITE pour se désintoxiquer”, logħba immersiva li tiġġieled l-ideoloġiji tal-lemin estrem.
Dwar il-15-il Premju tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili
Il-15-il Premju tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili tefa’ dawl fuq proġetti mingħajr skop ta’ qligħ immexxija minn individwi, kumpaniji privati u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li għenu fil-ġlieda kontra l-polarizzazzjoni dannuża fl-Unjoni Ewropea kollha.
F’dawn l-aħħar snin, l-Ewropa ntlaqtet minn diversi kriżijiet, mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja fl-Ukrajna, iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u l-għoli tal-ħajja, u l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali kontinwi ta’ wara l-pandemija tal-COVID-19. Kriżijiet bħal dawn jistgħu jnaqqsu l-fiduċja fl-istituzzjonijiet pubbliċi, u jnisslu polarizzazzjoni dannuża fis-soċjetà kollha.
Waqt li l-polarizzazzjoni tista’ tkun parti minn soċjetà miftuħa u pluralistika, il-populiżmu li qed jiżdied u l-polarizzazzjoni negattiva jirrappreżentaw sfidi sinifikanti għad-demokraziji Ewropej. L-Ewropa qed tiffaċċja wkoll frammentazzjoni kontinwa tax-xenarju tal-media tradizzjonali, miżinformazzjoni li qed tiżdied u attakki fuq il-libertà tal-media, li lkoll joħolqu aktar theddid għall-valuri demokratiċi.
Ir-rebbieħa ta’ din is-sena ntgħażlu minn firxa ġmielha u varjata ta’ aktar minn 50 entrata minn 15-il Stat Membru. Il-proġetti rebbieħa ntgħażlu għall-kreattività l-entużjażmu u d-dedikazzjoni straordinarja tagħhom fil-ġlieda kontra l-polarizzazzjoni dannuża fis-soċjetà Ewropea.
“Is-soċjetà ċivili organizzata taqdi rwol fundamentali fis-salvagwardja tad-demokrazija Ewropea, kif ġie ppruvat għal darb’ oħra mill-proġetti notevoli u vasti ta’ din is-sena” qal il-Viċi President tal-KESE għall-Komunikazzjoni Aurel Laurenţiu Plosceanu.