F’dibattitu mal-Viċi President tal-Kummissjoni u l-Kummissarju għad-Demokrazija u d-Demografija Dubravka Šuica, il-KESE appella għal strateġija dwar id-djalogu ċivili bħala l-ewwel pass lejn it-tisħiħ tar-rwol tas-soċjetà ċivili u ż-żieda tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fit-tfassil tal-politika tal-UE.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ressaq it-talbiet tiegħu permezz tal-Opinjoni dwar It-tisħiħ tad-djalogu ċivili u d-demokrazija parteċipattiva fl-UE: it-triq ’il quddiem, li ġiet adottata ftit wara d-dibattitu li sar fis-sessjoni plenarja tal-KESE fil-15 ta’ Frar.

Huwa enfasizza l-ħtieġa urġenti li tissaħħaħ l-implimentazzjoni tal-Artikolu 11 tat-Trattat tal-UE (TUE), li skontu l-istituzzjonijiet għandhom responsabbiltà konġunta biex jiżguraw li s-soċjetà ċivili organizzata tkun involuta b’mod attiv fil-formulazzjoni tal-liġijiet tal-UE.

Dan għandu jsir bħala segwitu għall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, inizjattiva storika u eżerċizzju demokratiku ewlieni, li kienet tinkludi sensiela ta’ dibattiti mmexxija miċ-ċittadini dwar kwistjonijiet li jaffettwawhom direttament f’ħajjithom.

“Ilkoll nistgħu naqblu li l-ilħna taċ-ċittadini jridu jinstemgħu lil hinn mill-kaxxa tal-voti. Aħna, fl-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE, ilkoll għandna ninvolvu aħjar lis-soċjetà ċivili fi djalogu sinifikanti lil hinn minn sempliċi informazzjoni u konsultazzjoni”, qal il-President tal-KESE Oliver Röpke.

Il-bini ta’ UE aktar trasparenti, inklużiva u demokratika jeħtieġ impenn ċiviku akbar u sħubija b’saħħitha bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-korpi governattivi nazzjonali. “L-isforzi kollettivi tagħna se jiżguraw li l-UE tibqa’ xempju ta’ tama u mudell ta’ demokrazija parteċipattiva għad-dinja”, saħqet il-Kummissarju Šuica.

Pietro Barbieri, relatur tal-Opinjoni, qal: “Permezz ta’ din l-Opinjoni, il-KESE qed jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jieħdu pass konkret ’il quddiem: biex jadottaw strateġija għad-djalogu ċivili, li tagħti ħajja lil pjan ta’ azzjoni u ftehim interistituzzjonali li jinvolvi kull livell tal-UE. L-impenn tal-KESE huwa sinjal ta’ ħtieġa urġenti li ma tistax tiġi rinunzjata jew posposta”.

Miranda Ulens, korelatur, żiedet tgħid li: “Diġà għandna prattiki tajbin għad-djalogu soċjali. Il-proposti li nagħmlu se jiżguraw li l-ilħna ta’ organizzazzjonijiet leġittimi u rappreżentattivi oħra jkunu jistgħu jinstemgħu wkoll. Ejjew noħolqu Ewropa reali u demokratika għaċ-ċittadini tagħha! #TogetherStrong!' (ll)