Fl-2025, għandna responsabbiltà kondiviża biex nibnu Ewropa aktar b’saħħitha

Hekk kif dħalna fl-2025, il-Presidenza Pollakka tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ġġib sens ta’ urġenza u determinazzjoni biex jiġu indirizzati l-isfidi kumplessi li jsawru l-preżent u l-futur tal-Ewropa. Bit-tema ġenerali ta’ sigurtà, it-tmexxija tal-Polonja twiegħed li tiggwidana matul sena li se tkun kruċjali għar-reżiljenza, il-koeżjoni u l-progress tal-UE.

Il-prijoritajiet deskritti mill-Presidenza Pollakka jirriflettu approċċ komprensiv għas-sigurtà fil-ħafna dimensjonijiet tagħha. Is-sigurtà interna, b’enfasi fuq il-protezzjoni tal-fruntieri u l-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, tenfasizza l-ħtieġa għal viġilanza kontra t-theddid emerġenti. Is-sigurtà esterna se tiffoka fuq it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tad-difiża, it-trawwim tal-innovazzjoni, u li jiġu aċċellerati l-isforzi tat-tkabbir biex tiġi żgurata l-istabbiltà fil-viċinat tagħna. Sadanittant, is-sigurtà ekonomika, tal-enerġija, tal-ikel u tas-saħħa se tibqa’ ċentrali biex jiġu żgurati l-indipendenza tal-Ewropa u l-benesseri taċ-ċittadini tagħha.

Fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), aħna lesti li nappoġġjaw bis-sħiħ l-aġenda tal-Presidenza, billi nisfruttaw ir-rwol uniku tagħna bħala l-vuċi tas-soċjetà ċivili. Il-KESE ser jikkontribwixxi b’mod attiv għad-diskussjonijiet dwar kif tista’ tiġi ssalvagwardjata l-kompetittività tal-Ewropa filwaqt li jiġi żgurat li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura fit-tranżizzjonijiet li qed niffaċċjaw – kemm jekk ikunu diġitali, ekoloġiċi jew ekonomiċi.

Din is-sena hija kkaratterizzata wkoll minn tiġdid politiku, bil-Kummissjoni Ewropea li għadha kif ġiet iffurmata tibda l-mandat tagħha. Dan jipprovdi opportunità ġdida biex jitfasslu oqfsa ta’ politika u jiġu implimentati inizjattivi li jallinjaw mal-aspettattivi taċ-ċittadini Ewropej. Il-KESE se jaqdi r-rwol tiegħu fl-appoġġ ta’ dan il-kapitolu l-ġdid, u se jiżgura li l-perspettivi tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali jkunu fil-qalba tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE.

Hekk kif inħarsu ’l quddiem lejn l-2025, niftakru fir-responsabbiltà kondiviża tagħna li nibnu Ewropa aktar b’saħħitha u aktar inklużiva. Il-KESE ser ikompli jippromovi l-istat tad-dritt, l-iżvilupp sostenibbli u l-koeżjoni soċjali, u se jiżgura li l-kontributi tas-soċjetà ċivili jsawru l-prijoritajiet tal-aġenda tal-UE. Flimkien mal-Presidenza Pollakka, ser nistinkaw biex nindirizzaw l-isfidi urġenti tal-lum u nwittu t-triq għal Ewropa sigura, kompetittiva u magħquda għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

Oliver Röpke

Il-President tal-KESE