European Economic
and Social Committee
Il-valutazzjonijiet tal-impatt u l-involviment attiv tas-soċjetà ċivili għandhom ikunu prinċipji gwida għall-istrateġija tal-Global Gateway
L-inizjattiva tal-Global Gateway għandha l-għan li tiżgura l-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE, iżda trid tkun ibbażata fuq valutazzjonijiet tal-impatt, kif enfasizzat mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fl-Opinjoni tiegħu adottata fil-plenarja ta’ Diċembru. Il-KESE jipproponi li jaqdi rwol aktar attiv fl-istadji ewlenin tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet għal proġetti ta’ żvilupp assoċjati mal-Global Gateway.
L-istrateġija Global Gateway twiegħed li jiġu mobilizzati sa EUR 300 biljun f’investimenti bejn l-2021 u l-2027 biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima, tittejjeb il-konnettività diġitali, tal-enerġija u tat-trasport, u tissaħħaħ l-infrastruttura tas-saħħa, tal-edukazzjoni u tar-riċerka madwar id-dinja.
Madankollu, il-KESE jenfasizza li l-programmi ta’ investiment fl-inizjattiva tal-Global Gateway iridu jkunu bbażati fuq valutazzjonijiet ta’ impatt, l-iżgurar ta’ sjieda demokratika ta’ inizjattivi ta’ żvilupp fil-pajjiżi msieħba, kif ukoll is-sostenibbiltà ekonomika, soċjali u ambjentali tal-proġetti. Fl-istess ħin jesprimi riservi dwar proġetti ffinanzjati minn fondi oħra tal-UE, li jistgħu jiddevjaw mill-proċess standard ta’ monitoraġġ minħabba nuqqas ta’ ċarezza tal-proċeduri biex jiġi vvalutat l-impatt ta’ kull proġett.
Il-membru tal-KESE u r-relatur tal-Opinjoni Stefano Palmieri enfasizza l-bżonn li proġetti tal-Global Gateway jirrispettaw numru ta’ prinċipji u objettivi, u ddikjara li “l-konformità mal-valuri tal-UE u s-sottomissjoni ta’ valutazzjonijiet ta’ impatt iddettaljati huma importanti biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà ta’ dawn il-proġetti”.
Fl-istess ħin, il-Kumitat jiddispjaċih li hemm nuqqas ta’ involviment sinikattiv tal-partijiet ikkonċernati Ewropej lokali fil-proċess ta’ żvilupp globali. Il-KESE jixtieq jaqdi rwol aktar attiv fl-istadji ewlenin tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet għal proġetti ta’ żvilupp assoċjati mal-Global Gateway, li jibda bl-organizzazzjoni ta’ laqgħat regolari bejn il-Kumitat tal-Global Gateway u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali. (mt)