Sabiex jissaħħaħ it-tkabbir tan-negozji ż-żgħar fl-UE, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni dwar sistema tat-Taxxa tal-Uffiċċju Prinċipali. Fl-opinjoni konsultattiva tiegħu, il-KESE jirrakkomanda miżuri addizzjonali u jenfasizza l-ħtieġa għal kollaborazzjoni aktar b’saħħitha fost il-Kummissjoni, l-Istati Membri u r-rappreżentanti tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (MSMEs) għal implimentazzjoni effettiva u biex jissensibilizzaw dwarha.

L-SMEs, li jikkostitwixxu 99.8 % tal-intrapriżi mhux finanzjarji fl-UE, jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-impjiegi (66.6 %) u għall-valur miżjud (56.8 %). Il-proposta tal-Kummissjoni għal sistema tat-Taxxa tal-Uffiċċju Prinċipali, parti mill-Pakkett usa’ ta’ Għajnuna għall-SMEs, għandha l-għan li ttaffi l-piżijiet regolatorji u tissemplifika l-proċeduri tat-taxxa għal dawn il-kumpaniji. Il-KESE jenfasizza l-urġenza li tiġi adottata l-proposta dwar sistema tat-Taxxa tal-Uffiċċju Prinċipali biex jiġi katalizzat it-tkabbir tal-MSMEs, billi jitpoġġew fil-mira l-SMEs awtonomi li joperaw fil-livell transfruntier. It-tnaqqis propost jallinja mal-għan tal-KESE li jitrawwem ambjent għall-PDG fit-tul u t-tkabbir fl-impjiegi.

Filwaqt li jappoġġja l-enfasi fuq l-MSMEs awtonomi fil-fażi inizjali, il-KESE jissuġġerixxi li tiġi evalwata l-possibbiltà li s-sistema tat-Taxxa tal-Uffiċċju Prinċipali tiġi estiża biex tinkludi sussidjarji f’valutazzjoni ex post wara ħames snin, u b’hekk tissaħħaħ l-inklużività. Il-KESE jirrikonoxxi l-komplementarjetà tas-sistema tat-Taxxa tal-Uffiċċju Prinċipali mal-proposta BEFIT iżda jenfasizza l-ħtieġa għal viġilanza biex jiġu evitati diskrepanzi fil-qafas legali. Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa fl-Istati Membri hija kruċjali għas-suċċess tas-sistema tat-Taxxa tal-Uffiċċju Prinċipali, u l-KESE jappella għal kollaborazzjoni biex jiġi żgurat li din tiġi implimentata sew, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jadattaw is-sistemi tal-IT bil-ħeffa kollha u jissensibilizzaw lill-MSMEs. (tk)