Il-kompetittività tidher li hija fuq fomm kulħadd dan l-aħħar, bid-deregolamentazzjoni titqies bħala riċetta maġika biex l-Ewropa ssib postha fuq il-mappa tal-atturi tal-ekonomija globali. Iżda hemm ħafna modi kif titkejjel il-kompetittività u ma hemm l-ebda tweġiba universali għall-mistoqsija dwar meta r-regolamentazzjoni ssir żejda. Jekk ma jiġux indirizzati b’attenzjoni, id-dibattiti dwar il-kompetittività u d-deregolamentazzjoni fihom ir-riskju li jiżviluppaw f’argumenti ssemplifikati żżejjed, totalment favur jew kontra, li jistgħu jheddu t-tfassil tajjeb tal-politika ekonomika, jikteb il-mistieden sorpriża tagħna Karel Lannoo, Uffiċjal Kap Eżekuttiv taċ-Ċentru għall-Istudji Politiċi Ewropej (CEPS).

Karel Lannoo huwa l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tas-CEPS, wieħed mill-gruppi ta’ riflessjoni indipendenti ewlenin tal-Ewropa. Huwa jispeċjalizza fir-regolamentazzjoni finanzjarja, fil-governanza ekonomika Ewropea u fi kwistjonijiet tas-suq uniku, u l-pubblikazzjonijiet reċenti tiegħu jinkludu “Nifhmu l-Ewropa” (bin-Netherlandiż), rapport ta’ task force dwar il-politika tas-settur finanzjarju għall-Kummissjoni von der Leyen II, u diversi kontributi għal volumi u rieżamijiet akkademiċi. Karel huwa kelliem frekwenti f’seduti ta’ smigħ ta’ istituzzjonijiet tal-UE, nazzjonali u internazzjonali, kif ukoll f’konferenzi internazzjonali u programmi eżekuttivi. Huwa jidderieġi studji għall-gvernijiet nazzjonali, organizzazzjonijiet multilaterali u entitajiet tas-settur privat. Il-kitbiet tiegħu jidhru regolarment fil-midja. Barra minn hekk, Karel iservi fuq il-bordijiet ta’ kumpaniji u fondazzjonijiet u bħala membru tal-kunsilli konsultattivi, inkluża l-Kummissjoni tas-Swieq Kapitali tal-AFM, is-superviżur tas-swieq kapitali tan-Netherlands.