Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), fuq talba tal-Presidenza Belġjana tal-Kunsill tal-UE, żvela rakkomandazzjonijiet kruċjali maħsuba għat-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali, il-ġestjoni tad-dejn u l-prijorità għall-investimenti fil-kura tas-saħħa u l-impjieg madwar l-Ewropa. Il-KESE wera t-tħassib tiegħu li baġits stretti jistgħu jnaqqsu r-ritmu tal-progress fil-ġlieda kontra l-faqar u t-tibdil fil-klima.

Il-KESE ressaq ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu fl-Opinjoni dwar It-tisħiħ ta’ tkabbir inklużiv fit-tul permezz ta’ riformi u investimenti li ġiet adottata u diskussa fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Marzu mal-Kummissarju għall-Impjiegi u d-Drittijiet Soċjali, Nicolas Schmit u l-Ministru Belġjana għall-Pensjonijiet u l-Integrazzjoni Soċjali, Karine Lalieux.

L-Opinjoni enfasizzat il-ħtieġa għal allinjament bejn l-oqfsa eżistenti bħas-Semestru Ewropew u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-kelliema fid-dibattitu ta’ livell għoli saħqu dwar il-ħtieġa li jintlaħaq progress fl-Ewropa Soċjali u biex jiġu indirizzati kwistjonijiet urġenti bħad-differenza bejn il-ġeneri fil-pensjonijiet u l-inklużjoni diġitali. Il-konferenza ta’ livell għoli dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li se ssir dalwaqt fil-Belġju, tindika impenn biex l-implimentazzjoni ta’ dan l-istrument tissokta.

Il-proposti tal-Kumitat jenfasizzaw l-użu effiċjenti tar-riżorsi finanzjarji, l-involviment tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u l-importanza li jiġi żgurat li t-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali tkun waħda ġusta. L-inklużività hija tema ċentrali, l-istess bħall-isfruttar tal-impatt tal-investimenti soċjali waqt li jitrawmu l-istabbiltà ekonomika u l-koeżjoni soċjali fl-UE. (tk)