mill-Grupp tal-Ħaddiema tal-KESE

Il-kooperattivi u l-komunitajiet tal-enerġija huma kruċjali biex it-tranżizzjoni ekoloġika tirnexxi. Madankollu, il-Kummissjoni tonqos milli tagħtihom il-prominenza mistħoqqa fil-pjan ta’ azzjoni tagħha għall-enerġija mir-riħ fl-Ewropa li jidher li jinjora l-oppożizzjoni dejjem tikber għal parks eoliċi ġodda.

F’Ottubru, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għall-Enerġija mir-Riħ biex tiżgura li t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa timxi id f’id mal-kompetittività industrijali u li l-enerġija mir-riħ tkompli tkun storja ta’ suċċess Ewropea.

L-enerġija mir-riħ tiġġenera aktar minn terz tal-elettriku rinnovabbli tal-Ewropa – u aktar minn 17% tal-produzzjoni totali tal-elettriku tagħha – u tagħmel parti fundamentali mill-produzzjoni tal-elettriku b’emissjonijiet żero netti għall-futur.

Madankollu, il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni jidher li jinjora l-oppożizzjoni dejjem tikber għal parks eoliċi ġodda, mid-difensuri tal-pajsaġġi sal-konservazzjonisti tan-natura, b’reazzjonijiet simili għal NIMBY(Not in My Backyard).

Il-kooperattivi u l-komunitajiet, li jmexxu proċess lokali mmexxi miċ-ċittadini li jista’ jkollu sjieda tat-tranżizzjoni, huma kruċjali sabiex tingħeleb din l-oppożizzjoni u biex jiġi żgurat li l-benefiċċji ta’ din it-tranżizzjoni jiġu kondiviżi b’mod wiesa’. Barra minn hekk, huma importanti wkoll biex il-ġenerazzjoni rinnovabbli ġġib magħha sistema ġdida u aktar deċentralizzata tal-ġenerazzjoni tal-enerġija.

Minflok, il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għall-Enerġija mir-Riħ tal-Kummissjoni jiffoka biss fuq kumpaniji kbar. Dan se jagħmel ħsara lill-proċess, inaqqas l-aċċettazzjoni u jipperikola t-tranżizzjoni. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra mill-ġdid il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tagħha u tinkludi l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-pilastru 7.

Għandha tiżgura li l-offerti ma jkunux esklużivament xprunati mill-prezzijiet u tqis it-tħassib dwar l-ambjent, is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali, u n-negozjar kollettiv, kif irrakkomanda l-KESE dan l-aħħar fl-Opinjoni tiegħu dwar is-suġġett.