European Economic
and Social Committee
L-UE teħtieġ rispons komuni biex tindirizza x-xokkijiet sistemiċi mingħajr ma tipperikola l-għanijiet ambjentali tagħha u mingħajr ma tħalli lin-nies jibqgħu lura
F’żewġ Opinjonijiet li għadhom kif ġew adottati, il-KESE jagħti fehmiet aġġornati dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2022 tal-Kummissjoni, li jiddeskrivi l-prijoritajiet futuri tal-politika ekonomika u tal-impjiegi għall-UE, kif ukoll dwar ir-Rakkomandazzjonijiet dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro għall-2022. Il-KESE jappella għal approċċ ibbilanċjat li ma jipperikolax l-għanijiet soċjali u ambjentali tal-UE.
Il-KESE jenfasizza li, fid-dawl taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel, għandha tiġi stabbilita xibka ta’ sikurezza soċjali għal dawk l-aktar vulnerabbli. Peress li l-inflazzjoni laħqet livell rekord, il-Bank Ċentrali Ewropew għandu janalizza l-effetti sekondarji tal-politika monetarja tiegħu, pereżempju fuq it-tkabbir u l-impjiegi, u fir-rigward taż-żieda fid-dejn pubbliku, jinħtieġ progress fir-riforma tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.
“Nappellaw għal approċċ ta’ politika bbilanċjat, li għandu jipproteġi l-ġustizzja u l-objettivi ambjentali, b’mod partikolari fi żminijiet ta’ kriżi”, qalet Judith Vorbach, relatur tal-Opinjoni addizzjonali dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2022. “Dan l-approċċ huwa l-bażi għall-prosperità u l-kompetittività tal-passat, tal-preżent u tal-futur tal-UE, u għal konverġenza u reżiljenza akbar”.
Ir-relatur tal-Opinjoni addizzjonali dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro 2022, Juraj Sipko iżid jgħid: “Irridu naħdmu flimkien biex nindirizzaw ix-xokkijiet sistemiċi bla preċedent li d-dinja qed tiffaċċja bħalissa. Id-dewmien fl-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ miżuri jista’ jkollu konsegwenzi estensivi, mhux biss f’termini ta’ telf materjali, iżda wkoll f’termini ta’ ħajja umana”. (tk)