European Economic
and Social Committee
Mingħajr l-involviment tas-soċjetà ċivili mhux ħa jkun hemm tranżizzjoni ġusta lejn soċjetajiet b'użu baxx tal-karbonju
Mill-Grupp tal-KESE tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili
Id-dinja akkademika, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali, ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet reġjonali u nazzjonali u l-membri tal-KESE ltaqgħu f’konferenza f’Dolni Vitkovice, żona li qabel kienet industrijali għall-minjieri tal-faħam u l-produzzjoni tal-azzar f’Ostrava, f’Ottubru 2022. Il-konferenza dwar L-invenzjoni mill-ġdid tar-Reġjun tal-Moravia-Silesia fit-tiftix għal tranżizzjoni soċjalment ġusta ġiet organizzata mill-Grupp tal-KESE tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili bħala parti mill-Presidenza Ċeka tal-Kunsill tal-UE, u attendew għaliha Anna Hubáčková, Ministru għall-Ambjent tar-Repubblika Ċeka, Vladimír Špidla, l-eks Kummissarju Ewropew kif ukoll il-President tal-KESE, Christa Schweng.
Huwa u jiftaħ il-konferenza, Séamus Boland, il-President tal-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE, enfasizza l-ħtieġa urġenti għal tranżizzjoni ġusta lejn ekonomiji newtrali għall-klima u biex l-atturi tas-soċjetà ċivili jiżguraw li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura. Huwa qal: “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew u t-tranżizzjoni diġitali tal-UE huma interdipendenti u ċentrali għall-istrateġija tal-UE ta’ awtonomija ġeostrateġika mir-Russja. Iżda jeħtieġ li din il-viżjoni strateġika kbira tal-UE tinżel għal-livell lokali. Dan għaliex m’huwa se jinkiseb xejn mingħajr ma jiġu involuti l-komunitajiet lokali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Irridu ninvolvuhom b’mod dirett fil-proċessi minn isfel għal fuq, u noħolqu b’mod konġunt soluzzjonijiet kreattivi u sostenibbli għal futur sostenibbli.”
Is-Sur Boland irrikonoxxa l-isforzi sinifikanti li saru fir-reġjun tal-Moravia-Silesia biex jittrasforma ruħu f’reġjun sostenibbli u b’użu baxx tal-karbonju,. Huwa enfasizza wkoll l-isfida tal-identità li tirriżulta mit-trasformazzjoni ta’ din l-art fil-qalba tal-industrija tal-azzar tar-Repubblika Ċeka f’ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju. Il-proċess ċertament jinvolvi l-invenzjoni mill-ġdid tal-identità lokali.
Waħda mill-konklużjonijiet l-iżjed importanti ta’ din il-konferenza kienet li tranżiżżjoni soċjalment ġusta tista’ ssir realtà biss permezz ta’ sett ta’ għodod ta’ azzjonijiet u miżuri mgħammar bir-riżorsi: it-tisħiħ tal-investiment billi jiġi ggarantit aċċess kontinwu għall-fondi pubbliċi u privati; li jiffoka fuq proġetti żgħar, servizzi soċjali, infrastruttura, innovazzjoni u riċerka, agrikoltura, żvilupp u koeżjoni soċjali; il-kondiviżjoni tal-għarfien fost l-industriji u s-setturi, u t-tagħlim mill-aħjar prattiki u eżempji pożittivi. Dawn l-azzjonijiet u l-miżuri kollha għandhom jiġu mmirati b’mod partikolari lejn il-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ impjieg ġodda, forza tax-xogħol b’iktar ħiliet, aktar integrazzjoni u inklużività.
L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jridu jkunu involuti b’mod dirett fil-mod kif iseħħu bidliet, fi sħubija, permezz ta’ approċċ inklużiv minn isfel għal fuq, sabiex tiġi ggarantita l-parteċipazzjoni bis-sħiħ u fl-aħħar mill-aħħar, tranżizzjoni li hija ġenwinament ġusta.
Aqra iktar fis-sit web tal-KESE u fittex it-test sħiħ għar-rakkomandazzjonijiet u l-konklużjonijiet, ritratti, filmati u preżentazzjonijiet tal-kelliema mistiedna kollha, fuq il-paġna tal-avveniment. (jk/mr)