European Economic
and Social Committee
#COP27: Is-soċjetà ċivili Ewropea tħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jżidu l-ambizzjoni klimatika
Ftit jiem qabel il-COP27 f’Sharm El-Sheikh, il-KESE adotta r-Riżoluzzjoni dwar ‘‘L-indirizzar konġunt ta’ theddida eżistenzjali: l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili għall-implimentazzjoni ta’ azzjoni klimatika ambizzjuża”. Il-messaġġ tas-soċjetà ċivili organizzata Ewropea huwa ċar: għandna bżonn li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jkomplu jaqdu r-rwol tagħhom ta’ tmexxija u jżidu l-ambizzjoni klimatika tagħhom, irrispettivament minn x’jagħmlu reġjuni oħra fid-dinja.
Maġġoranza ċara ta’ Ewropej, ta’ 70 %, jinsabu allarmati bit-tibdil fil-klima, u kważi tliet kwarti jemmnu li jeħtieġ jagħmlu aktar personalment biex jgħinu fit-tranżizzjoni ekoloġika, skont l-istħarriġ tal-Ewrobarometru. Il-KESE, permezz tar-Riżoluzzjoni u d-delegazzjoni tiegħu ta’ seba’ membri f’Sharm El-Sheikh, stieden lill-partijiet interessati kollha involuti jindirizzaw it-tħassib taċ-ċittadini u jżidu l-ambizzjoni klimatika b’konformità mal-aħħar rakkomandazzjonijiet xjentifiċi.
II-KESE kien rappreżentat mill-membri tiegħu Peter Schmidt, Isabel Caño Aguilar, Sandra Parthie, Josep Puxeu Rocamora, Neža Repanšek u Lutz Ribbe, relaturi tar-Riżoluzzjoni, u mill-attivista żagħżugħa favur il-klima Sophia Wiegand.
‘‘It-tibdil fil-klima huwa waħda mill-akbar sfidi għall-umanità f’dan is-seklu. L-impatt tiegħu mhux se jibda bi wliedna iżda diġà jinsab magħna, u qed jibdel b’mod drammatiku l-mod kif ngħixu”, qal Cillian Lohan, il-Viċi President tal-KESE għall-komunikazzjoni u attivist tal-klima. “Naturalment, nafu li l-Unjoni Ewropea qed tagħmel aktar minn kwalunkwe reġjun ieħor, kif juru l-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %”. Iżda bħala d-dar tas-soċjetà ċivili Ewropea, jeħtieġ li nagħmlu pressjoni fuq il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri tal-UE biex iżommu r-rwol ta’ tmexxija tagħhom u jikkonvinċu lill-imsieħba globali tagħna biex isegwu l-eżempju tal-Ewropa”. (ks)