European Economic
and Social Committee
Għeżież qarrejja,
ninsab eċitat li se naqdi r-rwol ta’ Viċi President tal-KESE f’dan il-mandat il-ġdid. Kuntent ħafna li ġejt elett mill-kollegi tiegħi għal din il-kariga. Inħoss li r-rwol tal-komunikazzjoni huwa essenzjali fi kwalunkwe organizzazzjoni.
Dejjem kont impressjonat mix-xogħol li jsir ta’ kuljum mill-persunal u l-membri ta’ dan il-Kumitat. Mandat ġdid itina l-opportunità li nqisu u nagħtu ħarsa lejn kollox minn lenti ġdida. Il-kapaċità limitata tagħna li nivvjaġġaw, minħabba l-COVID-19, hija raġuni oħra biex naħtfu l-opportunità ħalli nivvalutaw mill-ġdid is-siwazzjoni.
Nemmen li fis-sistemi politiċi tagħna, ir-rwol tas-soċjetà ċivili huwa wieħed essenzjali. Hawnhekk fil-KESE, aħna naqdu dik il-funzjoni f’sens istituzzjonali.
Il-punt ta’ bejgħ uniku tagħna huwa li ngħaqqdu lis-setturi u l-gruppi kollha li s-soltu jopponu lil xulxin fil-prattika. Aħna nibnu kunsens, permezz ta’ fehim u rispett għall-perspettivi ta’ xulxin. U nipproduċu kontenut prezzjuż li diġà għadda mit-test dwar jekk jistax jiġi implimentat jew le. Il-proposti tagħna, ibbażati fuq il-bini ta’ kunsens, jipprovdu soluzzjonijiet prattiċi għall-isfidi li niffaċċjaw.
Dak huwa l-KESE fl-aqwa tiegħu: jgħaqqad lill-partijiet interessati, jiżgura li leħinhom jinstema’ b’mod qawwi u ċar, u jasal għal soluzzjonijiet prattiċi li huma ġusti għas-setturi kollha.
Mandat ġdid itina l-opportunità biex inkomplu nagħmlu dak li nagħmlu tajjeb, u biex innaqqsu jew neliminaw l-affarijiet li ma nagħmlux daqstant tajjeb.
L-ispirtu ta’ dan il-Kumitat huwa li jidentifika lil dawk li huma ambizzjużi biex ikunu effettivi u jtihom is-setgħa biex jiżguraw impatt sinifikanti bil-ħidma tagħhom.
Ninsab ħerqan biex ikolli kuntatt ma’ kollegi f’istituzzjonijiet oħrajn ħalli niżgura li l-fehmiet kollettivi tagħna jingħataw widen. Bl-istess mod irrid niżgura li l-komunità inġenerali tkun konxja wkoll ta’ kif tintlaqa’ l-ħidma tagħna, u ta’ x’nagħmlu biex niżguraw li l-fehmiet tas-soċjetà ċivili jiġu integrati fid-deċiżjonijiet finali.
Fl-aħħar nett, aħna, bħal dejjem, se nużaw ir-riżorsi tagħna bħala mezz biex niffaċilitaw id-djalogu bejn partijiet interessati oħrajn, biex immorru lil hinn mill-membri tagħna u biex noħolqu rabta reali bejn is-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet tal-UE.
Nistenna bil-ħerqa sentejn u nofs impenjattivi u produttivi.
Cillian Lohan, Viċi President għall-Komunikazzjoni