L-impatt tad-diżinformazzjoni fuq l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2024 u modi kif jiġi żgurat li s-soċjetà ċivili jkollha rwol aktar effettiv fil-promozzjoni ta’ dawn l-elezzjoni, b’enfasi qawwija fuq iż-żgħażagħ: kienu s-suġġetti ewlenin diskussi fis-seminar “Elezzjonijiet Ewropej 2024: Għaliex għandek tivvota?”, organizzat mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) fi Bratislava fit-23 u l-24 ta’ Novembru.

L-avveniment kien ospitat mill-Awtorità Ewropea tax-Xogħol u ttella’ bi sħubija mal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Slovakk u bl-appoġġ tal-Uffiċċju ta’ Kollegament tal-Parlament Ewropew fi Bratislava. Huwa laqqa’ flimkien aktar minn 120 persuna: membri tal-KESE, uffiċjali tal-komunikazzjoni u tal-istampa tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, ġurnalisti u rappreżentanti ta’ kunsilli ekonomiċi u soċjali minn seba’ Stati Membri.

Id-diskussjonijiet li kienu mifruxa fuq jumejn żvelaw li l-Ewropej jeħtieġ li jkunu jafu kif id-deċiżjonijiet tal-UE jaffettwaw ħajjithom jekk il-kampanji biex tiżdied il-parteċipazzjoni elettorali għandu jkollhom effett reali. Il-messaġġi jeħtieġ li jkunu mfassla għal kull pajjiż tal-UE u l-ostakli li jipprevjenu liż-żgħażagħ milli jidħlu fil-politika jeħtieġ li jiġu indirizzati bħala kwistjoni ta’ urġenza.

Sabiex il-votanti jiġu mħeġġa joħorġu bi ħġarhom jivvutaw, huwa kruċjali li tiġi miġġielda b’mod effettiv id-diżinformazzjoni u li jkun hemm komunikazzjoni b’saħħitha u ċara dwar ir-riskji involuti, sabiex il-votanti jifhmu l-impenn tal-politiċi li se jirrappreżentawhom fl-UE.

Fil-ftuħ tas-seminar, il-President tal-KESE Oliver Röpke qal: “Jekk irridu li l-elezzjonijiet tal-2024 jkunu ta’ suċċess, ilkoll kemm aħna – l-istituzzjonijiet tal-UE, il-media, l-ispeċjalisti tal-komunikazzjoni – jeħtieġ li naħdmu flimkien biex nissensibilizzaw sabiex niġġieldu d-diżinformazzjoni u, fuq kollox, inqarrbu lill-Ewropa lejn il-poplu tagħha.  Fuq kollox, jeħtieġ li jkunu jafu li dawn l-elezzjonijiet huma dwarhom.”

Is-Sur Röpke u d-delegazzjonijiet tal-KESE żaru wkoll iċ-Ċentru Investigattiv Jan Kuciak u fakkru l-memorja tal-ġurnalist Jan Kuciak li nqatel fl-2018 talli espona korruzzjoni ta’ livell għoli f’pajjiżu. (ll)