European Economic
and Social Committee
L-użu ta’ teknoloġiji tal-assorbiment tal-karbonju fl-industrija huwa kruċjali biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku
Fil-plenarja ta’ Settembru, il-KESE adotta Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar Teknoloġiji tal-assorbiment tal-karbonju għad-dekarbonizzazzjoni tal-industrija.
L-adozzjoni tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima stabbiliet mira ambizzjuża għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2030, u kkonfermat l-għan tan-newtralità klimatika għall-2050. Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet jeħtieġ li jintużaw teknoloġiji tal-assorbiment tad-diossidu tal-karbonju. Aktar ma t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra jkun inqas rapidu u rigoruż, aktar se tiżdied id-dipendenza fuq it-teknoloġiji tal-assorbiment tad-diossidu tal-karbonju biex jintlaqħu l-miri tal-Ftehim ta’ Pariġi.
“Id-dekarbonizazzjoni se tirrikjedi trasformazzjoni profonda tal-attivitajiet industrijali fi żmien 30 sena”, qal Andrés Barceló Delgado, ir-relatur tal-Opinjoni. “Għalkemm diġà jeżistu ħafna teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, il-progress tagħhom għadu baxx. Neħtieġu pjani direzzjonali ambizzjużi biex dawn it-teknoloġiji rivoluzzjonarji jiżdiedu u jintużaw b’mod wiesa’, u l-UE jeħtiġilha tippromovi l-innovazzjoni permezz tal-Fond għall-Klima u dak għall-Innovazzjoni.
Skont meta jibdew jintużaw, it-teknoloġiji tal-assorbiment tad-diossidu tal-karbonju jistgħu jservu żewġ għanijiet differenti: i) jaċċelleraw il-kisba ta’ emissjonijiet netti żero billi jikkumpensaw għal dawk minn setturi diffiċli biex jitrażżnu, u b’hekk tiżdied il-probabbiltà li jibqgħu fil-limiti tat-temperatura; jew ii) iġibu t-tisħin globali għal livelli inqas mil-limiti stabbiliti wara li jkun hemm temperatura massima ’l fuq mil-limiti (overshoot).
“L-iżvilupp tat-teknoloġiji, flimkien mal-edukazzjoni u t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol, huma vitali għat-tranżizzjoni ekoloġika fl-industrija tal-manifattura. Id-djalogu soċjali, kemm fil-livell Ewropew, kif ukoll f’dak tal-Istati Membri u reġjonali, għandu jappoġġja s-sensibilizzazzjoni, l-aċċettazzjoni u tranżizzjoni ekoloġika u ġusta fl-industrija. Il-bini tal-kapaċitajiet u l-proġetti li jiddefinixxu l-ħiliet ewlenin se jkunu essenzjali sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni industrijali effettiva li fiha ħadd ma jitħalla jibqa’ lura”, qalet il-korelatur għall-Opinjoni, Monika Sitárová. (ks)