Matul il-plenarja ta’ Settembru, il-KESE adotta Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar it-Test taż-Żgħażagħ tal-UE. Iż-żgħażagħ ilhom jitolbu li leħinhom jinstema’ fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet għal snin sħaħ. B’din l-Opinjoni, il-KESE jsir l-ewwel korp tal-UE li jappoġġja s-sejħa tagħhom għal mekkaniżmu li jivvaluta l-impatt tal-leġiżlazzjoni futura fuq iż-żgħażagħ.

Il-KESE jemmen li biex jinkiseb impatt dejjiemi u legat lil hinn mis-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ, jeħtieġ li ż-żgħażagħ jiġu involuti fit-tfassil ta’ politika.

Ir-relatur tal-KESE tal-Opinjoni, Katrīna Leitāne, qalet li ż-żgħażagħ qed jappellaw għat-Test taż-Żgħażagħ tal-UE. Sabiex ir-regolamenti u l-politiki jsiru aħjar, għandu jiġi introdott it-Test taż-Żgħażagħ tal-UE: għodda tal-analiżi tal-impatt imfassla biex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda impatt negattiv ta’ kwalunkwe politika fuq iż-żgħażagħ u l-ġenerazzjonijiet futuri billi jkun hemm diskors bi skop maż-żgħażagħ u jiġu proposti miżuri ta’ mitigazzjoni.

Il-KESE jirrikonoxxi r-referenza għat-Test taż-Żgħażagħ tal-UE fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-riżultat finali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa. Madankollu, huwa jenfasizza li l-proposta tal-Kummissjoni ma tilħaqx l-għanijiet tal-proposta oriġinali, hija nieqsa minn involviment sinifikanti mal-organizzazzjonijiet u l-esperti taż-żgħażagħ u tonqos milli tqis b’mod sistematiku liż-żgħażagħ fil-politiki kollha sabiex jitqies l-impatt fit-tul tal-politiki fuq il-ġenerazzjonijiet futuri.

Il-KESE jappella wkoll għal kooperazzjoni interistituzzjonali akbar billi jiġu allinjati inizjattivi eżistenti ta’ suċċess bħad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ, “L-Ewropa Tiegħek, Leħnek” u l-Avveniment Ewropew taż-Żgħażagħ. Barra minn hekk, il-Kumitat jiddeskrivi lista ta’ proposti dwar il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-KESE u ser jikkunsidra modi kif il-kunċett tat-Test taż-Żgħażagħ tal-UE jiġi inkorporat fil-ħidma tiegħu. (gb)