Għeżież qarrejja,

Għadna kemm inawgurajna l-mandat il-ġdid tal-KESE b’mod atipiku ħafna. Minħabba r-restrizzjonijiet tal-COVID-19, għall-ewwel darba fl-istorja tagħna, is-sessjoni plenarja inawgurali kienet virtwali. 

Il-metodi ta’ ħidma online – in-norma l-ġdida fix-xhur li ġejjin – jistgħu jkunu kemm ta’ sfida kif ukoll ta’ benefiċċju. Li naslu għal kompromess dwar il-politiki tal-UE huwa aktar faċli meta jkollna kuntatt dirett. Min-naħa l-oħra, niffrankaw il-ħin tal-ivvjaġġar u nivvjaġġaw virtwalment madwar l-UE fi ftit klikkjaturi.

Il-KESE huwa pont bejn is-soċjetà ċivili organizzata u l-qafas istituzzjonali Ewropew. Il-bini ta’ pontijiet diġitali għandu l-vantaġġi – nistgħu nħaffu aktar, inkunu aktar flessibbli u nistgħu nilħqu aktar nies.

Din l-interkonnettività hija partikolarment importanti llum il-ġurnata, hekk kif l-UE qed tiġġieled il-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi ekonomiċi, soċjali u soċjetali tagħha. Huwa għalhekk li għażilt l-unità bħala kelma ewlenija għall-presidenza tiegħi. Jeħtieġ li ningħaqdu fil-ġlieda kontra l-kriżi u jeħtieġ li ningħaqdu fit-tfassil tal-UE wara l-COVID-19. Irridu nkunu magħquda għall-ġejjieni tal-Ewropa!

X’tip ta’ Ewropa għandna bżonn? Fil-fehma tiegħi għandna bżonn Ewropa ekonomikament prospera, soċjalment inklużiva u ambjentalment sostenibbli. Ewropa li tipprovdi kundizzjonijiet sodi għas-soċjetà ċivili kolla biex tiffjorixxi u tgħix f’demokraziji miftuħa u bbażati fuq il-valuri.

Għandna bżonn Ewropa aktar parteċipatttiva u politiki li huma aktar effettivi u marbuta aħjar mas-sitwazzjoni fuq il-post. Il-KESE lest jipprovdi l-għarfien espert tiegħu lil dawk li jfasslu l-politiki biex jgħinhom iwettqu dan.

Internament u esternament, qed nagħmel ħilti biex insaħħaħ ir-reputazzjoni tal-UE u nerġa’ nikseb il-fiduċja u l-kredibilità. Flimkien adottajna mandat biex nirrevedu r-Regoli ta’ Proċedura u l-Kodiċi ta’ Kondotta biex niżguraw li l-Kumitat jissodisfa l-ogħla standards etiċi u professjonali.

Nixtieq nitlobkom ilkoll biex tipparteċipaw b’mod attiv fl-attivitajiet tal-KESE. Billi tieħdu sehem fl-avvenimenti tagħna, billi tikkontribwixxu għad-diskussjonijiet u billi taqsmu r-riżultati ta’ ħidmitna, tista’ tgħinuna nsemmgħu leħen is-soċjetà ċivili. Magħquda għall-ġejjieni tal-Ewropa!

Christa Schweng, President tal-KESE