Il-mistieden sorpriża

Fil-kolonna “Il-mistieden sorpriża” sssib fehmiet u opinjonijiet ta’ persuni li l-attitudnijiet, l-azzjonijiet u l-impenji tagħhom huma mudelli għal oħrajn. F’din il-ħarġa, qed nippubblikaw artiklu miktub minn Olga Vegera u Vasyl Kushmuns – membri tal-NGO Promote Ukraine – dwar l-attivitajiet tagħhom bħala organizzazzjoni mhux governattiva fi Brussell li taħdem għal Ukrajna ħielsa.

Promote Ukraine hija pjattforma indipendenti tal-midja u tas-soċjetà ċivili li tagħti vuċi lil esperti mill-Ukrajna u mill-UE dwar kwistjonijiet rilevanti għaż-żewġ partijiet. Hija organizzazzjoni indipendenti mil-lat politiku u governattiv ibbażata fi Brussell li għandha l-għan li tawtonomizza lill-Ukreni biex jaqdu rwol bħala ċittadini Ewropej ħielsa. It-tim jaħdem biex isaħħaħ il-viżibbiltà tal-Ukrajna fi ħdan l-UE, u fl-istess ħin jippromovi lill-Ukrajna fi ċrieki politiċi, kummerċjali u mhux governattivi fil-pajjiżi Ewropej.

Il-kompitu ewlieni tal-NGO huwa li tiffaċilita r-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri tal-UE u l-Ukrajna. L-għan fit-tul ta’ Promote Ukraine huwa li jiġi stabbilit network intitolat “Ukreni li rnexxew – Ukrajna prosperuża” – li jkun magħmul minn persuni li huma lesti li jużaw il-ħiliet u l-ħin tagħhom għall-benefiċċju tal-Ukrajna. Madwar 150 voluntier minn bosta nazzjonalitajiet jaħdmu fl-organizzazzjoni. Il-biċċa l-kbira tagħhom huma mill-Ukrajna, iżda nsibu wkoll Spanjoli, Taljani, Belġjani, Franċiżi, Kanadiżi u Amerikani.

Bil-għan li jibdel is-solidarjetà mal-Ukrajna f’azzjoni konkreta għall-Ukrajna, f’April 2022 il-KESE ngħaqad mal-inizjattiva tal-Parlament Ewropew dwar “ċentru tas-soċjetà ċivili” għall-Ukrajna, u ppermetta lill-Promote Ukraine tuża parti mill-uffiċċji, il-bini u t-tagħmir tiegħu disponibbli fil-proprjetà f’Rue Belliard 68-Rue de Trèves 74 fid-distrett tal-UE fi Brussell, u pprovda wkoll appoġġ amministrattiv u tekniku biex jgħin fil-koordinazzjoni tal-attivitajiet tas-soċjetà ċivili Ukrena. B’dan il-mod, il-KESE offra lill-Promote Ukraine dar sigura fil-qalba tal-Ewropa. (ehp)