European Economic
and Social Committee
Kollox jibda mill-enerġija
Għeżież qarrejja,
Il-gwerra fl-Ukrajna u l-pandemija tal-COVID-19 ikkawżaw tensjonijiet soċjoekonomiċi sinifikanti fl-Ewropa u fid-dinja. Kważi seba’ xhur mill-bidu tal-gwerra, il-biża’ ta’ żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u n-nuqqas ta’ sigurtà tal-enerġija, flimkien mal-volatilità tal-prezzijiet tal-ikel u l-inflazzjoni globali, qed jipperikolaw il-ħajja u l-benesseri tan-nies madwar id-dinja. Għalhekk, is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, bil-konsegwenzi fit-tul tagħha ta’ prezzijiet tal-enerġija dejjem jogħlew, se tkun fost is-suġġetti dominanti tal-ħidma tagħna fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fix-xhur li ġejjin.
Fil-kontribut tagħna għall-programm ta’ ħidma għall-2023 tal-Kummissjoni Ewropea, enfasizzajna l-kriżi tal-enerġija, li ġiet amplifikata mid-dipendenza tal-UE mill-gass Russu, il-bżonn għall-UE li tillimita kemm jista’ jkun l-espożizzjoni tagħna għall-fornituri mhux affidabbli u d-diversifikazzjoni tas-sorsi tagħha tal-enerġija.
Apparti d-diffikultajiet tal-provvista u d-dover tal-Istati Membri li jiżguraw id-disponibbiltà tal-enerġija għad-djar u n-negozji, sfida oħra hija li nibqgħu fit-triq it-tajba lejn l-objettiv tan-newtralità klimatika sal-2050 u l-ambizzjonijiet fit-tul l-oħra tal-UE. Il-politiki tal-UE għandhom fl-istess ħin iġibu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ambjentali. Il-ksib ta’ dan it-trijangolu maġiku jippermetti li s-soċjetajiet tagħna jegħlbu l-kriżijiet, jirrispettaw il-limiti tal-pjaneta u li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura.
Biex it-talbiet taċ-ċittadini jittieħdu b’serjetà, hemm bżonn ta’ miżuri biex jitjieb id-djalogu soċjali, kif ġie enfasizzat fil-proposti li ħarġu mill-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa. Il-KESE huwa lest li jaqdi r-rwol tiegħu u jsegwi b’mod xieraq l-eżiti tal-Konferenza u jekk tiġi organizzata Konvenzjoni, il-KESE jrid jaqdi rwol prominenti fiha. Se nkomplu naħdmu fuq dan matul it-tieni nofs tal-2022.
Nispera li l-pawża tas-sajf tatna xi ftit trankwillità u serħan il-moħħ u l-imbuttatura ta’ enerġija addizjonali li lkoll għandna bżonn biex niffaċċjaw l-isfidi li ġejjin.
Christa Schweng
Il-President tal-KESE