Il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Istati Uniti jeħtieġlu jaħtaf il-momentum biex ikun minn ta’ quddiem fil-kummerċ, it-teknoloġija u l-innovazzjoni

Fil-plenarja tiegħu ta’ Lulju, il-KESE sostna li l-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija l-ġdid jista’ jsir għodda innovattiva kemm għall-UE kif ukoll għall-Istati Uniti biex jaħdmu flimkien lejn dinja aktar sikura u aktar għanja, ibbażata fuq il-prinċipji tal-iżvilupp sostenibbli u l-valuri demokratiċi. Il-Kunsill huwa mfassal biex ikun proċess parteċipattiv u, għaldaqstant, jeħtieġ li juri trasparenza u jinvolvi ruħu bis-sħiħ mas-soċjetà ċivili u l-partijiet ikkonċernati.

Fl-Opinjoni fuq inizjattiva tiegħu dwar Il-Kunsill il-ġdid tal-Kummerċ u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Istati Uniti fl-azzjoni: prijoritajiet għan-negozju, il-ħaddiema u l-konsumaturi u s-salvagwardji meħtieġa, il-KESE jenfasizza l-prijoritajiet tal-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija.

Christa Schweng, President tal-KESE qalet “Il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija huwa forma ġdida ta’ kooperazzjoni. L-objettiv ewlieni tiegħu jrid ikun li jesplora kif il-kummerċ u t-teknoloġija jistgħu jaħdmu aħjar għas-soċjetajiet tagħna. Is-soċjetà ċivili organizzata fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku jeħtieġ li jkollha rwol importanti fil-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija”.

Timo Vuori, membru tal-KESE u relatur tal-Opinjoni, iddikjara li “Il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Istati Uniti jeħtieġlu jipprovdi, fuq terminu qasir u twil, soluzzjonijiet biex jittejjeb l-ambjent kummerċjali bilaterali u internazzjonali. Inkella, il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija jista’ jitlef il-momentum tiegħu”.

L-UE u l-Istati Uniti għad għandhom l-aktar relazzjoni ekonomika bilaterali integrata fid-dinja, li hija ekwivalenti għal nofs il-PDG dinji u terz tal-flussi kummerċjali globali.

L-ekonomist u l-kittieb Fredrik Erixon, li kien mistieden biex jitkellem fil-plenarja, spjega li din l-inizjattiva hija opportunità ġdida għaż-żewġ imsieħba sabiex ikollhom influwenza fuq l-ekonomija tad-dinja, billi jkunu magħquda u jfittxu sħubijiet ma’ pajjiżi tal-istess fehma li jikkondividu l-valuri ekonomiċi u politiċi bażiċi tagħhom.