Minkejja li huwa minnu li l-UE għadha l-aktar post sikur għall-ġurnalisti fid-dinja, dan jista’ faċilment jinbidel hekk kif it-tendenza attwali ta’ intimidazzjoni, fastidju u saħansitra qtil tal-ġurnalisti tidher li qed tiżdied.

Il-mistieden tagħna huwa l-ġurnalist investigattiv Matthew Caruana Galizia, li ommu, Daphne Caruana Galizia, inqatlet brutalment fl-2017 meta ppruvat tikxef il-korruzzjoni f’Malta.

Julie Majerczak, kap tal-uffiċċju ta’ Brussell ta’ Reporters mingħajr Fruntieri, qaltilna li l-qtil tal-ġurnalisti – inqatlu 16 fl-UE mill-2015 ’il hawn – huwa biss parti żgħira mill-istampa sħiħa. Dawn qed jisfaw dejjem aktar vittmi ta’ diversi forom ta’ pressjoni, abbuż u ċensura. Staqsejna lill-membru tal-KESE Christian Moos għaliex id-difiża tal-libertajiet tal-media hija daqshekk importanti għall-UE.

X’għandha tagħmel l-UE, u hemm bżonn ta’ sanzjonijiet finanzjarji kontra l-gvernijiet li joħonqu l-ilħna kritiċi u jillimitaw il-libertajiet tal-istampa? Il-mistednin tagħna jiddiskutu dawn il-kwistjonijiet kollha fl-aħħar episodju tagħna “Mingħajr il-libertà tal-media, m’hemm l-ebda demokrazija”.