European Economic
and Social Committee
Il-KESE jappella għat-tisħiħ tal-assigurazzjoni tad-depożiti, l-armonizzazzjoni u l-proporzjonalità biex tissaħħaħ is-sistema bankarja tal-UE
Wara l-kriżijiet bankarji reċenti fl-Istati Uniti u l-każ ta’ Credit Suisse, il-KESE rrieżamina l-Proposta tal-Kummissjoni għar-rieżami tal-qafas dwar il-ġestjoni tal-kriżijiet bankarji u l-assigurazzjoni ta' depożitu (CMDI). Fost miżuri oħra, il-Kumitat jitlob li jiġu protetti l-interessi tal-banek iżgħar u lokali, tad-depożitanti u tal-kontribwenti, u li l-pakkett tas-CMDI jiġi kkoordinat mar-riforma futura tar-Regolament dwar l-għajnuna mill-Istat.
Kien il-Gvern Spanjol li talab lill-KESE janalizza l-kwistjoni u jipprovdi rakkomandazzjonijiet ta’ politika lill-koleġiżlaturi u lill-Presidenza Spanjola tal-Kunsill tal-UE. Il-Proposta tal-Kummissjoni dwar ir-rieżami tal-qafas CMDI għandha l-għan li tindirizza r-riskji li għad baqa’ fis-settur bankarju Ewropew, li jkompli jsir progress fit-tkomplija tal-Unjoni Bankarja u li jissaħħaħ is-suq uniku tal-UE fl-interess tad-depożitanti u l-kontribwenti.
“Il-KESE jagħraf l-importanza tal-ħeffa, il-flessibbiltà u l-kooperazzjoni fl-indirizzar tal-kriżijiet bankarji u li, fl-istess ħin, jiġu protetti d-depożitanti u l-kontribwenti”, qal ir-relatur tal-KESE Giuseppe Guerini. “Il-Proposta tal-Kummissjoni hija pass lejn it-tkomplija tal-Unjoni Bankarja, li hija kruċjali għall-konsolidazzjoni sħiħa tas-sistema finanzjarja tal-UE u għat-tnaqqis tal-frammentazzjoni tas-suq”.
Fl-Opinjoni tiegħu, il-KESE jinsisti li l-armonizzazzjoni tal-protezzjoni tad-depożiti u l-evalwazzjoni ta’ alternattivi ta’ riżoluzzjoni u insolvenza huma kruċjali biex jiġu protetti l-interessi tad-depożitanti u biex tiġi preservata d-diversità tal-ekosistema bankarja Ewropea. (tk)