Is-settur tal-industrija se jiffaċċja sfidi kbar b’riżultat tal-miżuri tal-UE biex noħorġu mill-kriżi klimatika. Kif jista’ jiġi żviluppat finanzjament sostenibbli biex jgħin ħalli jintlaħqu l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u fl-istess ħin jiġi żgurat li l-industrija Ewropea tibqa’ kompetittiva? Webinar tal-KESE fit-18 ta’ Ottubru se jiddiskuti din il-kwistjoni diffiċli.

Il-finanzjament sostenibbli għandu jappoġġja t-twettiq tal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew billi jalloka l-investiment privat f’kumpaniji u proġetti li jappoġġjaw it-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, reżiljenti għat-tibdil fil-klima, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u ġusta – sfida li għandha tiġi ffaċċjata b’mod konġunt mis-settur finanzjarju, in-negozji, l-awtoritajiet regolatorji u ċ-ċittadini.

Fil-webinar intitolat L-allokazzjoni tar-riżorsi finanzjarji f’investimenti li jikkonformaw mal-kriterji ambjentali, soċjali u ta’ governanza, il-membri tal-bord u l-partijiet ikkonċernati esterni li jipparteċipaw permezz ta’ vidjokonferenza se jiddiskutu kif l-aħjar jinkisbu dawn is-sinerġiji u jiġi żviluppat finanzjament sostenibbli bħal dan.

Il-webinar huwa t-tielet wieħed f’sensiela ta’ avvenimenti dwar strateġija industrijali ġdida tal-UE, li l-KESE qed jorganizza biex jgħin fit-tiswir tal-politika industrijali tal-UE għall-futur wara l-kriżi tal-COVID-19. Is-serje se tintemm b’konferenza ewlenija f’Marzu 2022 fejn il-KESE se jiddibatti s-sejbiet tiegħu mal-Presidenza Franċiża tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea.

Kun af aktar u/jew irreġistra għall-webinar: link.
Kun af aktar dwar is-serje ta’ webinars “The path to our industrial future”.(dm)